Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Messaġġ ta’ Merħba tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Sors: Facebook

lir-Rettur Maġġur tas-Salesjani Dun Fabio Attard 🤝

Għażiż Dun Fabio,

Għalkemm bħalissa ninsab ’il bogħod minn artna, nixtieq ningħaqad mas-saċerdoti, mar-reliġjużi, l-istituti sekulari u l-lajċi kollha tad-Djoċesi ta’ Għawdex biex nagħtik minn qalbi merħba!

Merħba, Dun Fabio! Merħba lilek, li inti Għawdxi bħalna, f’Għawdex tiegħek u tagħna. Aħna kuntenti li l-Mulej sejjaħ lilek biex tkompli taqdih fit-tmexxija tal-Opra Salesjana mibdija mill-qaddis Don Bosco. Jaqbadna l-bard u fl-istess waqt nimtlew b’sentimenti ta’ radd il-ħajr lil Alla meta niftakru li inti l-11-il Suċċessur ta’ dan il-Qaddis kbir.

Merħba, Dun Fabio! Merħba lilek, reliġjuż saċerdot li ħadt il-formazzjoni Nisranija tiegħek fil-familja għażiża tiegħek, fl-Oratorju Don Bosco, u mbagħad, l-ewwel parti tal-formazzjoni tiegħek fis-Seminarju tad-Djoċesi tagħna. L-imħabba tiegħek lejn il-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ wasslitek biex tagħżel li tiddedika ruħek prinċipalment għal din il-faxxa għażiża u mimlija enerġija u fl-istess waqt tant delikata.

Merħba, Dun Fabio! Merħba lilek, Rettur Maġġur tas-Salesjani. Merħba fid-Djoċesi żgħira tagħna, djoċesi li – kif taf int – għandha spirtu missjunarju qawwi u xewqa kbira li tkun ta’ għajnuna fil-Knisja universali.

Filwaqt li nirringrazzjawk taż-żjara tiegħek, inwegħduk it-talb tagħna biex tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għall-Knisja kollha, speċjalment fir-rigward tal-faxxa żagħżugħa li tant kienet għal qalb Don Bosco. Nitolbu għalik biex din l-enerġija żagħżugħa tkompli ddakkar il-Knisja kollha kemm hi.

Nitolbuk titlob għall-Knisja tagħna, biex il-Mulej ikompli jberikna b’żgħażagħ ġenerużi li jkomplu jagħtu ħajjithom għalih, anki fl-istess vokazzjoni Salesjana.

Nawguralek mill-qalb.

✠ Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex

4 ta’ Ottubru 2025,
Tifkira ta’ San Franġisk ta’ Assisi

Aqsam fuq