Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Messaġġ tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Sors: Facebook

FI TMIEM IL-ĠIMGĦA TAL-LAUDATO SI’ 2024

Għeżież,

Kull sena, f’dawn iż-żminijiet lejn l-aħħar ta’ Mejju, tiġi osservata l-Ġimgħa tal-Laudato Si’, li hija maħsuba biex tfakkarna fl-Ittra Enċiklika li l-Papa Franġisku ppubblika 9 snin ilu bl-istess isem Laudato Si’ “dwar l-għożża tad-dar komuni”, u l-ittri l-oħrajn li bagħtilna warajha.

Il-Papa Franġisku hu minn ta’ quddiem li qed jipprova jikkonvinċi lil kulħadd li d-dinja tinsab fi kriżi serja ħafna, u li t-tibdil fil-klima li qegħdin naraw iseħħ internazzjonalment qed ikollu konsegwenzi serji ħafna, u ser ikompli jwassal għal konsegwenzi dejjem agħar u ta’ tbatija. Dan mhux għas-sistemi naturali biss, iżda anki għall-bniedem. Jekk dan hux jiġri verament jew le, ma baqax dubji, u x-xjenza llum tagħtina provi ċari ħafna li dan huwa l-każ. Hemm min jgħid li qegħdin f’punt li qed isir diffiċli li nreġġgħu lura l-ħsara kollha li laħqet saret lis-sistemi naturali.

Il-Papa Franġisku jindirizza l-messaġġi tiegħu dwar il-qerda tal-ambjent u t-tibdil fil-klima lil kull persuna fid-dinja – lil hinn mid-differenzi ta’ razez, twemmin u distinzjonijiet oħrajn. Imma lilna li aħna Nsara u Kattoliċi jkellimna b’saħħa ikbar u bit-tama li nkunu minn tal-ewwel li nuru impenn u nagħmlu l-parti tagħna biex il-qagħda tad-dar komuni tagħna ma tibqax sejra għall-agħar.

Lilna li aħna msejħa nimxu skont il-prinċipji tal-Vanġelu jfakkarna li dak li qed jiġri fil-kwistjoni ambjentali fid-dinja huwa ta’ interess primarju anki għan-Nisrani fil-fidi tiegħu. Jekk nirriflettu, naslu għall-għarfien li l-ħsara lid-dar komuni tagħna u l-ħela irresponsabbli tar-riżorsi naturali għandhom l-għeruq tagħhom fid-dnub – fost l-oħrajn fir-regħba, is-suppervja, l-individwaliżmu u l-egoiżmu. Huma l-fqar u l-vulnerabbli f’kull soċjetà u fid-dinja kollha li huma milquta l-iktar u l-agħar, kif iseħħ dejjem.

Għall-grazzja ta’ Alla, jeżistu Kattoliċi, anki fi gżiritna, li qed jieħdu t-twissijiet tal-Papa bis-serjetà. B’xorti ħażina, oħrajn mhux biss ma tawx kas ta’ dak li qal il-Papa, imma talli qed jippruvaw iserrħu l-kuxjenza tagħhom billi jgħidu li l-ħarsien tal-ambjent mhux parti mid-dmir tagħhom bħala mgħammdin. Ir-realtà hi li jekk verament irridu ngħixu ta’ Nsara, aħna obbligati li nwettqu f’ħajjitna l-proposti li qed tagħmel il-Knisja f’dan ir-rigward.

Il-Papa, żgur li b’qalb imnikkta, jgħidilna: “Għaddew issa tmien snin mill-pubblikazzjoni tal-Ittra enċiklika Laudato Si’, fejn xtaqt naqsam magħkom kollha, ħuti tal-pjaneta tagħna li qed tbati, it-tħassib qawwi tiegħi għall-għożża tad-dar komuni tagħna. Imma, mal-medda taż-żmien, qed nintebaħ li ma aħniex qed nirreaġixxu biżżejjed, ladarba d-dinja li tilqagħna fiha qed titfarrak u forsi miexja lejn il-punt li fih titkisser” (LD, 2).

Il-Papa jistedinna għal konverżjoni ekoloġika (LS, 216). Din il-konverżjoni għandha twassalna għal “ġesti ġenerużi anki jekk mhu jarahom jew jagħti kashom ħadd” (LS, 220). Fost dawn il-ġesti ġenerużi, fil-gżira tagħna għandna nfittxu, fost l-oħrajn, li:
• Nirrispettaw ir-regoli tas-separazzjoni tal-iskart.
• Nużaw iktar it-trasport pubbliku.
• Nibżgħu għall-ilma, li fi gżiritna qed isir riżorsa dejjem iktar kritika.
• Nibżgħu għall-elettriku, fost l-oħrajn b’użu aktar għaqli tal-arja kkundizzjonata.
• Insemmgħu leħinna kontra żvilupp li mhux sostenibbli għal pajjiżna.
• Ma nħammġux it-toroq, postijiet pubbliċi u l-baħar tagħna.
• Inrażżnu x-xiri ta’ affarijiet li m’għandniex verament bżonnhom.

Kemm hu f’loku l-parir tal-Papa: “Għandna bżonn nisimgħu mill-ġdid li neħtieġu wieħed tal-ieħor, li għandna responsabbiltà lejn l-oħrajn u lejn id-dinja, li jiswa għal xi ħaġa li nkunu tajbin u onesti” (LS, 229)!

Nitlobkom tingħaqdu miegħi fi tmiem din l-Ottava ta’ Pentekoste, biex nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jkompli jdawwal lill-Papa Franġisku f’din il-missjoni tiegħu għall-ġid tal-umanità kollha, u jdawwal lilna biex fl-azzjonijiet kollha tagħna – kull wieħed bil-ftit tiegħu jew tagħha – inħarsu u nindukraw din id-dar komuni tagħna u r-riżorsi li toffrilna. B’hekk inroddu ħajr lil Alla tad-doni kollha li pprovdielna, u naqsmuhom ma’ ħutna kollha bħala wlied tal-istess Missier.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, illum il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju 2024, Tifkira liturġika ta’ Marija Għajnuna tal-Insara.

Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

Aqsam fuq