Sors: Facebook
FL-OKKAŻJONI TAL-ĠUBLEW TAT-TAMA FID-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX 2025
Għeżież,
Aħna u resqin lejn is-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl li tfakkar il-Jum li fih din Artna laqgħet l-Aħbar it-tajba ta’ Sidna Ġesù Kristu, u aħna u noqorbu lejn iż-Żmien tar-Randan Imqaddes, id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tħabbar il-Knejjes li fihom tista’ tintrebaħ l-Indulġenza Plenarja skont id-direttivi tal-Knisja Kattolika, mill-11 ta’ Frar sa tmiem is-Sena Ġubilari fid-Djoċesi fit-28 ta’ Diċembru 2025, kif ukoll il-Jiem Ġubilari fid-Djoċesi tul din l-istess Sena Mqaddsa.
L-Indulġenza Plenarja mhix għajr triq oħra kif l-Insara jiżguraw ruħhom mill-imħabba bla tarf u mogħtija b’xejn li Alla għandu għalina l-poplu tiegħu, murija fid-don tal-maħfra sħiħa permezz tal-Knisja. Dan is-sinjal qawwi ta’ mħabba jitlob minna tweġiba ta’ mħabba.
⛪ Il-Knejjes u l-Jiem Ġubilari
Il-Knejjes Ġubilari fid-Djoċesi ta’ Għawdex, huma:
1. il-Knisja Katidrali ddedikata lill-Assunzjoni ta’ Marija, il-Belt Victoria;
2. is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb;
3. is-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Qala.
Barra l-Pellegrinaġġ Djoċesan tal-Ġublew, li se jiġi ċċelebrat fl-Ewwel Ħadd tar-Randan, 9 ta’ Marzu, fid-Djoċesi tagħna se niċċelebraw ukoll dawn il-Jiem ta’ grazzja Ġubilari indirizzati għal xi kategoriji partikulari:
1. il-Ġublew tal-Morda u dawk li jduru bihom, nhar il-11 ta’ Frar;
2. il-Ġublew tal-Isportivi, nhar il-11 ta’ Ġunju;
3. il-Ġublew tar-Reliġjużi u l-Ikkonsagrati, nhar il-21 ta’ Ġunju;
4. il-Ġublew tas-Saċerdoti, nhar is-27 ta’ Ġunju;
5. il-Ġublew tal-Anzjani, nhar is-26 ta’ Lulju;
6. il-Ġublew tal-Katekisti u l-Animaturi tal-gruppi ta’ formazzjoni, nhar it-18 ta’ Ottubru;
7. il-Ġublew tat-Tfal, nhar il-20 ta’ Novembru;
8. il-Ġublew tal-Adolexxenti, nhar il-21 ta’ Novembru;
9. il-Ġublew taż-Żgħażagħ, nhar it-22 ta’ Novembru.
📝 Kundizzjonijiet għall-Indulġenza Plenarja
Il-kundizzjonijiet ordinarji biex wieħed jirċievi l-Indulġenza Plenarja huma li wieħed:
1. jindem u jwarrab kull rabta mad-dnub,
2. ikun imqanqal minn spirtu ta’ karità (imħabba),
3. iqerr,
4. jitqarben,
5. jitlob skont il-fehma tal-Papa,
6. u jagħmel waħda minn dawn li ġejjin:
a. Pellegrinaġġ lejn waħda mill-Knejjes Ġubilari fejn iqerr u jieħu sehem f’talb jew ċelebrazzjoni.
b. Żjara ta’ qima f’post tal-Ġublew fejn isiru adorazzjoni, meditazzjoni, u talb li jinkludi l-Missierna, il-Kredu u talba lill-Verġni Mbierka. (L-anzjani u l-morda li ma jistgħux joħorġu, jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew taħt l-istess kundizzjonijiet jekk, magħqudin fl-ispirtu mal-fidili li jkunu preżenti fil-knisja, partikularment f’mumenti li fihom il-kliem tal-Papa jew l-Isqfijiet djoċesani jiġi trażmess permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, jitolbu l-Missierna, il-Kredu u talb ieħor konformi mal-għanijiet tas-Sena Mqaddsa, waqt li joffru t-tbatijiet tagħhom jew it-tbatijiet ta’ ħajjithom.)
ċ. Opra ta’ ħniena u penitenza, bħal:
• jieħu sehem f’laqgħat ta’ eżerċizzi jew formazzjoni dwar il-Konċilju Vatikan II u l-Katekiżmu tal-Knisja;
• jassisti lill-aħwa fil-bżonn permezz ta’ waħda mill-Opri tal-Ħniena;
• jagħmel astinenza, almenu f’jum wieħed, minn distrazzjonijiet superfluwi, konsum, kif ukoll billi jagħti karità sostanzjali lill-foqra, permezz tal-volontarjat, jew karità oħra fil-komunità.
🤕 Il-Ġublew tal-Morda u dawk li jduru bihom (11 ta’ Frar)
Il-morda u l-istaff kollu tal-Isptar jistgħu jiksbu l-Indulġenza Plenarja jekk iwettqu dak li hu mitlub, f’waħda miż-żewġ kappelli tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Il-morda li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, għandhom jitolbu ndiema, il-Missierna, il-Kredu (fi kwalunkwe forma leġittima), u talb ieħor konformi mal-għanijiet tas-Sena Mqaddsa, waqt li joffru t-tbatijiet tagħhom jew it-tbatijiet ta’ ħajjithom.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, illum l-Erbgħa 5 ta’ Frar 2025, Tifkira ta’ Sant’Agata, Verġni u Martri.
✠ Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex