Sors: Facebook
Mit-Tnejn 10 sal-Ġimgħa 14 ta’ Novembru, Padre Giulio Michelini OFM, teologu u awtur ta’ kotba reliġjużi, mexxa l-irtir għall-kleru Għawdxi fid-Dar tal-Irtiri Manresa. Fost is-saċerdoti preżenti, tnejn minnhom kienu mill-Arċidjoċesi ta’ Malta. Magħhom kien hemm ukoll l-Isqof Anton. Is-suġġett kien fuq is-servizz saċerdotali lejn Alla u l-oħrajn, ispirat mill-Kelma ta’ Alla. Il-ħsieb ta’ kull meditazzjoni kien iċċentrat dejjem fuq persunaġġ bibliku. Il-Ħamis, Padre Giulio mexxa wkoll is-siegħa adorazzjoni li ssir għas-saċerdoti kull tieni Ħamis tax-xahar.
Padre Giulio ltaqa’ wkoll ma’ wħud mill-animaturi impenjati fil-pastorali tal-familja. It-tema tal-laqgħa kienet is-sesswalità fil-ħsieb ta’ Alla. Il-punt ċentrali tal-messaġġ ta’ Padre Giulio, ispirat mir-rakkonti tal-ħolqien tal-bniedem (Ġen 1:26-28 u 2:4-24), kien li s-sesswalità maskili u femminili hi sors ta’ tensjoni kontinwa, imma tensjoni li, fil-ħsieb ta’ Alla, tista’ tkun pożittiva. Spjega kif it-traduzzjoni litterali ta’ Ġenesi 2:18 (“Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”) titkellem fuq għajnuna mhux biss fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ ugwaljanza, imma wkoll ta’ relazzjoni ta’ konfront. Din l-interazzjoni tagħti l-possibbiltà għat-tkabbir reċiproku tal-koppja.