Sors: Facebook
Nhar il-Ħadd 22 ta’ Frar saret il-Laqgħa Ġenerali tal-Komunitajiet Ewkaristiċi tad-Djoċesi ta’ Għawdex fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini fil-Belt Victoria. It-talb u l-katekeżi kienu mmexxija minn Mons. Frankie Bajada bit-tema tal-Ewkaristija fl-Ispiritwalità Franġiskana, fl-okkażjoni tas-Sena Ġubilari tat-8 Ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Iċ-ċelebrazzjoni għalqet bil-bews tar-relikwa ta’ San Franġisk.
Il-Komunità Ewkaristika hija esperjenza ta’ mixja ta’ fidi, li permezz ta’ smigħ, scrutatio u kondiviżjoni tal-Kelma ta’ Alla u tal-katekeżi, tgħin lil-lajċi flimkien ma’ saċerdot jikbru fl-għarfien tal-Bibbja. Din hija espressjoni ta’ katekeżi għall-adulti, fejn nies ta’ kull kategorija soċjali u professjoni jiltaqgħu kull ġimgħa fil-parroċċi tagħhom. Il-metodoloġija hija mifruxa fuq erba’ laqgħat: Katekeżi mħejjija mill-membri tal-grupp, Kondiviżjoni (Riżonanza), Adorazzjoni Ewkaristika, u Ċelebrazzjoni Ewkaristika b’agape fratern wara. Dan il-mod jippermetti li tiġi esperjenzata l-appartenenza f’Komunità li tikber.
Dawn il-Komunitajiet daħlu fid-Djoċesi ta’ Għawdex aktar minn 20 sena ilu, u attwalment jeżistu 10 minnhom fi tmien parroċċi. Id-Delegat tal-Isqof għal dawn il-Komunitajiet huwa Mons. Ġużeppi Attard. Il-Komunitajiet Ewkaristiċi huma dejjem miftuħa għal membri ġodda li jixtiequ jagħmlu esperjenza ta’ mixja fil-fidi, fejn wieħed jista’ jsib is-sabiħ tal-qari tal-Iskrittura Mqaddsa.
📷 Monica Grima