Sors: Facebook
Nhar il-Ħadd 26 ta’ Jannar, id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mal-grupp fi ħdanha responsabbli għall-Pastorali tal-Familja, ħejjew taħdita għan-nanniet bit-tema: “Nanna u Mummy?”, immexxija minn Carmen Delicata, terapista tal-familja, u l-Isqof Anton Teuma. Din saret f’Villa Fiorita, Marsalforn.
Matul il-preżentazzjoni, is-Sinjura Delicata tkellmet fuq diversi temi li jolqtu speċjalment lil dawk in-nanniet li għadhom jgħinu fit-trobbija tan-neputijiet, fosthom dak li tistenna s-soċjetà minnhom, sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom u kif jaffrontawhom, kif ukoll l-aspetti pożittivi li jġib miegħu dan ir-rwol.
Min-naħa tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex irrimarka fost l-oħrajn dwar kif ir-rwol tan-nanniet huwa indispensabbli f’dik li hija trażmissjoni tal-fidi lin-neputijiet, u x’tip ta’ boundaries għandu jkun hemm fir-relazzjoni ta’ bejn in-nanniet u wliedhom f’din il-fażi tal-familja.