Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Mejju, permezz tas-seminar “Sess bl-Imħabba” ġiet fi tmiemha sena oħra…

Sors: Facebook

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Mejju, permezz tas-seminar “Sess bl-Imħabba” ġiet fi tmiemha sena oħra ta’ ħidma pastorali mal-għarajjes li fil-preżent qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ Nisrani.

Wara li fil-21 ta’ Marzu l-għarajjes kollha nġabru fis-Sala tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof għal seminar djoċesan bit-tema “Jiġu jew ma jiġux, it-tfal dejjem rigal”, matul dawn l-aħħar ġimgħat nukleu żgħir minn dawn l-għarajjes ingħata l-possibbiltà li, flimkien ma’ koppji oħra fl-ewwel sentejn taż-żwieġ tagħhom, jidħlu aktar fil-fond ta’ żewġ temi importanti ħafna fir-relazzjoni tal-koppja. Dawn it-tliet mumenti ta’ formazzjoni kienu mmexxija mill-Isqof Anton Teuma.

Fis-seminar ta’ Marzu, b’referenza għas-silta li tirrakkonta l-ġrajja ta’ Abraham, Sara u binhom Iżakk (Ġen 18:1-15; 22:1-18), l-Isqof Anton għen lill-għarajjes preżenti jirriflettu dwar il-fatt li, anki jekk mixtieqa frott l-imħabba, it-tfal jibqgħu dejjem don u mhux dritt tal-koppja. Spjega dinamiċi psikoloġiċi li l-ġenituri għandhom joqogħdu attenti għalihom kemm biex jibnu relazzjoni ekwilibrata ma’ wliedhom u kemm biex inisslu fihom sens ta’ sigurtà emottiva (secure attachment). Għamel riferiment ukoll għall-periklu li l-imħabba tinbidel f’possessività u l-bżonn li progressivament il-ġenituri jinfatmu minn uliedhom u mhux biss jgħinuhom imma, aktar minn hekk, iħalluhom jaqbdu triqthom.

Fid-19 ta’ April, imbagħad, f’Dar Manresa nżamm l-ewwel seminar intensiv bit-tema “Nitkellmu”. Matulu l-koppji preżenti ddiskutew u anki għamlu eżerċizzi prattiċi fuq aspetti differenti tal-komunikazzjoni fil-koppja. It-tieni seminar intensiv, dak li nżamm fit-3 ta’ Mejju, iffoka fuq l-intimità sesswali u b’mod partikolari fuq is-sesswalità fil-kuntest tal-‘agape’ Nisranija. Ġiet diskussa s-sesswalità bħala l-ogħla espressjoni ta’ relazzjoni awtentika u tal-imħabba matura fiż-żwieġ.

Aqsam fuq