Sors: Facebook
Nhar il-Ħadd li għadda, 17 ta' Frar, Mons. Isqof Mario Grech mexxa ċelebrazzjoni sempliċi imma emozzjonali li fiha amministra s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija lil residenta barranija fir-Residenza Sant'Anna.
Rosemary Colleen La Roche, li tgħix fir-Residenza Sant'Anna, żmien ilu kienet talbet li tibda tirċievi l-Ewkaristija. Hi waslet għal din id-deċiżjoni b'għażla li mmaturat matul iż-żmien, akkumpanjata fit-tħejjija kemm minn uħud mill-istaff tal-istess Residenza u kemm mill-Kappillani tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti tas-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija (jiġifieri l-Magħmudija, il-Konfermazzjoni u t-Tqarbin) saret fl-istess Residenza u l-istaff tad-dar ħejja l-ambjent u ċ-ċelebrazzjoni. Diversi membri tal-istaff ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni, flimkien ma' residenti oħra kumpanji ta' Rosemary. Minkejja l-vuċi baxxa tagħha, ħaġa li laqtet lil ħafna minn dawk preżenti kienet il-mod kif Rosemary wieġbet b'konvinzjoni u determinazzjoni għall-mistoqsijiet dwar iċ-ċaħda tax-xitan u l-istqarrija tal-fidi, kif ukoll għall-mistoqsija jekk riditx titgħammed u tkun membru tal-Knisja Kattolika. Fil-Magħmudija l-parrini tawha wkoll l-ismijiet ta' Francesca u Therese. Parrini/xhieda kienu Ġemma Pavia (NO Residenza Sant'Anna) u Maria Mizzi (ners fl-istess Residenza u li akkumpanjatha fit-tħejjija).
Ħajr speċjali lill-istaff tar-Residenza Sant'Anna, mhux biss għall-ambjent sabiħ li ħejjew għaċ-ċelebrazzjoni, imma wkoll u fuq kollox għall-mod kif akkumpanjaw lil Rosemary biex timmatura x-xewqa tagħha li titqarben u titħejja għall-magħmudija u għat-tqarbin.