Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar is-Sibt 15 ta’ Novembru, grupp sabiħ ta’ koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ…

Sors: Facebook

Nhar is-Sibt 15 ta’ Novembru, grupp sabiħ ta’ koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ inġabru fiċ-Ċentru Pastorali Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, f’Ta’ Kerċem, għall-attività organizzata għalihom mill-Grupp Pastorali tal-Familja tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

It-tema magħżula, "Ma’ xiex ħa nlaħħaq? Time management għall-koppji fl-ewwel snin taż-żwieġ", ġiet diskussa f’ambjent informali mal-koppja Gianluca u Vanessa Bezzina. Konxji li kulħadd jgħix sitwazzjoni familjari proprja u li ma hemmx kriterji fissi li japplikaw għal kulħadd, Gianluca u Vanessa qasmu mal-koppji preżenti tips prattiċi li lilhom jgħinuhom isibu ħin ħalli jgawdu lil xulxin u lit-tfal tagħhom. Tkellmu fuq l-għażla konxja ta’ stil ta’ ħajja li jillimita l-ħin iddedikat għax-xogħol tagħhom u għall-attivitajiet extrakurrikulari tat-tfal, b’tali mod li t-tnejn li huma jinġabru d-dar pjuttost kmieni u t-tnejn li huma jkunu preżenti għat-tfal.

Issuġġerew attenzjoni fl-użu tal-mobile fid-dar, u b’mod partikolari waqt l-ikel, biex jiġi eliminat ir-riskju li l-mobile isir ekwivalenti għal preżenza kontinwa ta’ persuna barranija li tisraq il-ħin lill-familja. Tkellmu fuq l-importanza li l-koppja tibqa’ ssib ħin għaliha bħala koppja biex hekk ir-relazzjoni tibqa’ tingħata dejjem l-ewwel prijorità, u fuq il-bżonn ta’ ġesti żgħar ta’ affettività u kuntatt fiżiku matul il-ġurnata. Qasmu wkoll ma’ dawk preżenti l-impenn tagħhom li t-talb, individwali u flimkien, ikun parti mill-ġurnata tal-familja tagħhom.

L-Isqof Anton ingħaqad mal-koppji għal din l-attività ta’ formazzjoni. Filwaqt li rringrazzja lil Vanessa u Gianluca, saħaq fuq l-importanza li r-raġel u l-mara jibqgħu jagħtu prijorità lil xulxin, anki meta jkun hemm it-tfal, għax jekk ikun hemm abbundanza ta’ mħabba bejn il-koppja, it-tfal jitmantnew u jixbgħu miż-żejjed li jaqa’ minn fuq il-mejda (Mt 15:26-27). Stieden lill-koppji preżenti jirriflettu fuq il-valuri wara l-għażliet ta’ Vanessa u Gianluca u dawk wara l-għażliet individwali tagħhom, għaliex huma proprju l-valuri li nħaddnu li mbagħad jiddeterminaw l-istil ta’ ħajja u l-attitudnijiet li nadottaw.

Din l-attività kienet l-ewwel waħda mis-sensiela ta’ erba’ appuntamenti djoċesani ‘Ngħidu 4 kelmiet bejnietna’ li qed jiġu organizzati għall-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ matul din is-Sena Pastorali. L-appuntament li jmiss hu fis-27 ta’ Diċembru – aktar dettalji jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin. Il-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ huma lkoll mistiedna jieħdu sehem!

Aqsam fuq