Sors: Facebook
Nhar is-Sibt 16 ta’ Marzu waslu f’pajjiżna grupp ta’ għaxar seminaristi Irlandiżi mis-Seminarju ta’ Maynooth. Huma qattgħu l-ewwel lejl fis-Seminarju ta’ Malta. Matul il-jum tal-Ħadd żaru xi postijiet ta’ interess f’Malta u filgħaxija qabdu triqthom lejn Għawdex, fejn l-ewwel waqfa kienet fis-Seminarju, il-Belt Victoria.
Is-seminaristi Għawdxin ħejjew għaxart ikmamar fil-kamerata stess għall-Irlandiżi. Matul din iż-żjara s-seminaristi Irlandiżi kellhom iċ-ċans iżuru postijiet uniċi fil-gżira Għawdxija waqt li jduqu l-kultura u t-tradizzjonijiet tipikament Għawdxin.
Peress li t-Tlieta 19 ta’ Marzu kienet btala, is-seminaristi Għawdxin ippjanaw ġurnata attivitajiet. L-ewwel waqfa kienet id-Dwejra. Wara żaru ċ-Ċentru ta’ Arti Liturġika Eikon. Kellhom ċans iduqu wkoll il-ftajjar tipikament Għawdxin. Dakinhar filgħaxija ż-żewġ gruppi ta’ seminaristi lagħbu partita futbol kontra xulxin. Kien mument sabiħ li xehed li fi ftit jiem iż-żewġ komunitajiet ħadmu u għexu flimkien tant li nħolqot klima ta’ ħbiberiji li jkomplu jarrikkixxu l-mixja vokazzjonali ta’ kull wieħed.
Mument sinifikanti ieħor kien il-quddiesa f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu, immexxija mill-Isqof Mario Grech.
Iż-żjara waslet fi tmiemha l-Ħamis b’ġurnata fil-Belt Valletta. Hemm żaru l-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Barrakka. L-aħħar waqfa kienet żjara fil-Katidral tal-Imdina u l-mużew tiegħu.