Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar is-Sibt 23 ta’ Marzu, permezz ta’ mument ta’ talb fis-Santwarju Ta’ Pinu, sar…

Sors: Facebook

Nhar is-Sibt 23 ta’ Marzu, permezz ta’ mument ta’ talb fis-Santwarju Ta’ Pinu, sar l-għeluq tal-laqgħat tal-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ u għall-Ħajja tal-Familja għal din is-Sena Pastorali fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Dan il-mument ta’ talb, bit-tema "Kebbes imħabbitna", serva wkoll bħala okkażjoni ta’ tħejjija spiritwali għall-Ġimgħa Mqaddsa għall-għarajjes preżenti. Is-simboli prevalenti użati waqt iċ-ċelebrazzjoni kienu dawk tad-dawl u d-dlam.

Hu u jkellem lill-għarajjes, l-Isqof Anton Teuma għamel referenza għar-rakkont simboliku tal-ħolqien li nsibu fil-ktieb tal-Ġenesi. Fisser kif fil-bidu Alla ħalaq id-dawl, għaliex kieku ħalaq kollox imma m’hemmx dawl, aħna ma konna nkunu nistgħu ngawdu xejn mis-sbuħija tal-ħolqien. Daqshekk ieħor hu importanti d-dawl fil-mixja tal-ħajja tal-bniedem, tal-ħajja tal-koppja fiż-żwieġ. Qal kif kultant dan id-dawl nistgħu nfittxuh mingħand il-ħbieb, minn mumenti ta’ mistrieħ u divertiment, minn progress fil-karriera tagħna, u l-bqija. Imma d-dawl veru, meħtieġ għal ħajja sabiħa, insibuh f’Ġesù Kristu.

B’referenza għall-qari tar-Ragħaj it-Tajjeb (Lq 15:1-7; Ġw 10:11-15), li nqara minn koppja għarajjes, l-Isqof spjega kif fost ir-ragħajja Lhud kien hemm l-użanza li lin-nagħġa li spiss twarrab minn mal-merħla jiksrulha saqajha biex ma tkunx tista’ titbiegħed. Mhux hekk ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa u jerfagħha fuq spallejh. Stieden lill-għarajjes biex meta fir-relazzjoni tagħhom iħossuhom mitlufin u mifxulin, jipprovaw imorru għand Ġesù: Hu d-dawl.

F’ġest sempliċi imma simboliku, il-koppji għarajjes preżenti ġabru minn riġlejn il-Kurċifiss xemgħa tixgħel b’impenn min-naħa tagħhom u b’talba lil Alla biex ikun hu d-dawl tagħhom u jkebbes imħabbithom.

Iċ-ċelebrazzjoni kienet animata minn membri tal-Kor Djoċesan u rat ukoll is-sehem ta’ saċerdoti u reliġjużi, li kienu disponibbli għall-qrar, u ta’ diversi operaturi pastorali li matul is-sena jakkumpanjaw lill-għarajjes tul il-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ tagħhom.

📷 Monica Grima

Aqsam fuq