Sors: Facebook
Nhar is-Sibt 27 ta’ Diċembru, grupp ta’ koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ inġabru għal “Ftit kwiet fil-ġenn tal-Milied” f’għar ix-Xagħra.
Megħjuna mill-Isqof Anton, il-koppji rriflettew fuq x’jistgħu jitgħallmu fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom minn Ġużeppi u Marija li għexu l-esperjenzi tat-tqala ta’ Marija, tal-vjaġġ lejn Betlehem u tat-twelid ta’ Ġesù f’għar. Fis-soċjetà preżenti, fejn l-inidividwaliżmu u l-ekonomija tal-ħin spiss qed iġibuna naħsbu u naġixxu għal rasna, Ġużeppi u Marija jgħallmu lill-koppji jgħixu l-ġrajjiet tal-ħajja flimkien. Juru li mhix id-dar li tagħmel il-familja, imma hi l-familja li tagħmel id-dar – hi r-relazzjoni sabiħa bejn il-koppja, iċ-ċirkolazzjoni ta’ akkoljenza u mħabba bejn ir-raġel u l-mara, li ssebbaħ il-post fejn joqogħdu, u mhux id-daqs tad-dar jew l-oġġetti u l-kumditajiet ta’ ġo fiha. F’soċjetà kompettiva u arrivista, li tendenzjalment tikklassifika lill-persuni fi gradi skont il-pożizzjoni soċjali, il-ġid finanzjarju, il-livell ta’ edukazzjoni, l-aspett fiżiku, u l-bqija, l-aċċettazjoni reċiproka u totali ta’ Marija u Ġużeppi, u r-rispett kbir li kellhom lejn xulxin, iħeġġu lill-koppji biex ma jħallux il-mentalità tal-lum iddaħħal l-għira jew l-iżvalutazzjoni bejniethom. Il-mod ta’ kif Ġużeppi u Marija laqgħu lir-ragħajja u l-Maġi, u dak li qalulhom, iħeġġeġ lill-koppji biex huma wkoll ikunu miftuħin għal ħbiberiji tajba li jgħinuhom jikbru bħala koppja.
Din l-attività kienet it-tieni waħda mis-sensiela ta’ erba’ appuntamenti djoċesani ‘Ngħidu 4 kelmiet bejnietna’ li qed jiġu organizzati għall-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ matul din is-Sena Pastorali. L-appuntament li jmiss hu fil-21 ta’ Frar. Il-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ huma lkoll mistiedna jieħdu sehem!