Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar, mal-40 koppja jew omm li qed jistennew tarbija attendew…

Sors: Facebook

Nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar, mal-40 koppja jew omm li qed jistennew tarbija attendew għaċ-ċelebrazzjoni tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf li saret fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu waqt quddiesa speċjali li, fl-assenza tal-Isqof Anton Teuma, tmexxiet minn Dun Krystof Buttigieg, Delegat tiegħu għall-Katekeżi.

Kien hemm atmosfera tassew sabiħa, fejn kienet tinħass il-preżenza ta’ tant trabi fil-ġuf li l-Knisja, permezz ta’ dan il-ġest, tirrikonoxxi l-eżistenza tagħhom sa mit-tnissil. ’Il quddiem, meta jitwieldu, hija tilqagħhom formalment permezz tal-Magħmudija. Din iċ-ċelebrazzjoni tiġi organizzata darbtejn f’sena mill-Komunità Anawim u Dar Ġużeppa Debono. Dik li jmiss ser tkun nhar is-16 ta’ Ġunju 2024.

Fl-omelija tiegħu, Dun Krystof sellem lill-ommijiet “li qed iġġorru b’tant kura u attenzjoni ġo ġisimkom tarbija ħajja” u lill-missirijiet “li għandkom seba’ mitt sena sakemm taraw b’għajnejkom u tieħdu f’idejkom dak li għamlet l-imħabba tagħkom lejn il-mara”. Huma ġew fdati b’rigal prezzjuż li jġibilhom ferħ, imma fl-istess ħin biża’ li ma jeħdux ħsiebu kif imiss. Għalhekk għandhom bżonn lil Alla biex ikun id-dawl tagħhom ħalli jagħżlu minn liema taħbit żejjed għandhom jeħilsu biex ikunu jistgħu jiffukaw fuq it-tarbija. Kif Ġesù fil-Vanġelu jeħles lil raġel mix-xitan, hekk Alla jgħallem lill-qalb tagħna kif teħles minn ċertu taħwid li jkun ifixkilna u ma jħalliniex bi kwietna. Hu jagħmel li qalbna tħobb ta’ veru, kompletament.

“Dan hu li għandkom bżonn biex tilqgħu għal dak li hemm jistenniekom: qalb li tħobb! U jiġri x’jiġri, se tibqgħu fis-sod... Alla se jkun magħkom, se jaħdem id f’id magħkom, għall-ġid tagħkom u tat-tarbija tagħkom. Komplu fittxuh, u bħalma qed tagħmlu llum, daħħlu lill-Madonna fin-nofs, ħa tgħinkom”.

📸 Anthony Grech

Aqsam fuq