Sors: Facebook
Nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju ġiet organizzata konferenza fl-Iskola Sekondarja tal-Isqof immirata għal ġenituri li għandhom uliedhom adolexxenti. Il-kelliem ewlieni kien Dun Joseph Farrugia, psikologu. “Kull kif tagħmel ħażin” hija frażi li ħafna drabi l-ġenituri huma familjari magħha fil-konfront ta’ wliedhom. Imma l-kelliem irrimarka li din il-frażi tista’ tkun ukoll komuni mal-adolexxent fil-konfront tal-ġenitur.
Fr Farrugia għamel preżentazzjoni fejn spjega li r-relazzjonijiet fin-natura tagħhom huma kumplessi. Dan iwassal biex is-soluzzjoni għal diffikultajiet bejn il-ġenituri u l-ulied mhix sempliċi u xi kultant dan jista’ jġib qtigħ il-qalb. Hu elenka diversi aspetti li jistgħu jwasslu sabiex ikun hemm qtugħ fir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied. Madankollu jeżistu diversi metodi ta’ kif ġenituri jistgħu jittrattaw aħjar dawn id-diffikultajiet u li b’hekk iwasslu għal relazzjoni aktar matura bejn il-ġenitur u l-adolexxent. Il-kelliem ta diversi spunti msawra b’eżempji konkreti kif dan jista’ jsir.
Fit-tieni parti tal-konferenza ngħata spazju sabiex il-ġenituri preżenti jagħmlu r-rimarki u l-mistoqsijiet tagħhom.
Il-konferenza ġiet organizzata mill-Grupp fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex li qed jippromovi mixja ta’ sapport għall-ġenituri ta’ adolexxenti u żgħażagħ.