Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar is-Sibt 31 ta’ Awwissu, l-Arċisqof Prelat ta’ Loreto Mons. Fabio Dal Cin, mistieden…

Sors: Facebook

Nhar is-Sibt 31 ta’ Awwissu, l-Arċisqof Prelat ta’ Loreto Mons. Fabio Dal Cin, mistieden speċjali għall-Festi ċentinarji f’Għajnsielem, għamel żjara privata lill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’Dar Nazaret, il-Belt Victoria.

L-Isqof Teuma u Mons. Dal Cin tkellmu flimkien dwar il-ħidma tad-Djoċesi ta’ Għawdex u s-Santwarju ta’ Loreto, speċjalment dwar il-pastorali mal-familji u maż-żgħażagħ, iż-żewġ oqsma li l-Papa Franġisku talab li jiġu kkurati b’mod speċjali fis-Santwarju. Huma tkellmu wkoll dwar possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni iktar mill-qrib bejn iż-żewġ realtajiet, speċjalment frott l-aggregazzjoni tal-Knisja Parrokkjali ta’ Għajnsielem ma’ Loreto, imġedda l-Ħadd li għadda fil-Pontifikal tal-Festa.

Dal Cin tkellem ukoll dwar modi ġodda ta’ akkoljenza tal-pellegrini u katekeżi offruta fis-Santwarju, fid-dawl tat-talba tal-Papa Franġisku li s-Santwarju ma jibqax biss post fejn jiġu ċċelebrati s-sagramenti, imma jkun ukoll post fejn tiġi mwassla l-fidi, speċjalment lill-familji u lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

📷 Ray Bondin

Aqsam fuq