Sors: Facebook
Nhar is-Sibt 6 ta’ Diċembru l-għarajjes li matul dawn ix-xhur qed jattendu għall-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja (MTŻ) fil-parroċċi Għawdxin inġabru fis-Sala tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, għal “Ġlieda tajba”, is-seminar, imexxi mill-Isqof Anton Teuma, dwar il-kunflitti fil-koppja.
Fl-ewwel parti tas-seminar, b’referenza għas-silta li tirrakkonta l-waqgħa ta’ Adam u Eva (Ġen 3:1-13; 20-21), l-Isqof spjega dinamiċi psikoloġiċi żbaljati li jdaħħlu lill-koppja f’kunflitt. Fit-tieni parti, imbagħad, b’referenza għas-silta tat-twelid ta’ Ġesù fil-Vanġelu ta’ San Mattew (1:18-24), spjega dinamiċi psikoloġiċi pożittivi, u ta għajnuniet prattiċi li jgħinu lill-koppja taffronta l-kunflitt.
Dan is-seminar kien wieħed mit-tliet appuntamenti fuq skala djoċesana li jinżammu għall-għarajjes matul il-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ tagħhom. L-appuntament li jmiss ser ikun fl-10 ta’ Jannar 2026 b’ċelebrazzjoni fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.