Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar is-Sibt 6 ta’ Ġunju, f’Dar Manresa, saret ir-raba’ laqgħa djoċesana għall-koppji…

Sors: Facebook

Nhar is-Sibt 6 ta’ Ġunju, f’Dar Manresa, saret ir-raba’ laqgħa djoċesana għall-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ, fis-sensiela “Ngħidu 4 kelmiet bejnietna”. Din kienet l-aħħar laqgħa f’din is-serje għal din is-Sena Pastorali.

It-tema magħżula, “Meta jkollna t-tfal”, ġiet diskussa flimkien mal-Isqof Anton Teuma. Ingħatat ħarsa lejn il-bidliet psikoloġiċi u relazzjonali li jseħħu fil-koppja meta minn ‘partners’ (sieħba) isiru ‘parents’ (ġenituri). Ġew diskussi d-dinamiċi tal-bidu tal-iżvilupp emottiv tat-trabi u x’jeħtieġu t-tfal mill-ġenituri tagħhom fl-ewwel xhur u snin tal-ħajja. Ġie spjegat il-bżonn ta’ bilanċ bejn l-enerġija u l-attenzjoni mogħtija lit-trobbija tat-tfal u l-attenzjoni għar-relazzjoni tal-koppja, għaliex, ’il fuq minn kull ħaġa oħra, l-aktar ħaġa li għandhom bżonn l-ulied hi relazzjoni tajba u sabiħa bejn il-ġenituri tagħhom.

Wara l-laqgħa l-koppji preżenti baqgħu ‘jgħidu erba’ kelmiet bejniethom’ u jieħdu xi ħaġa tal-ikel flimkien fil-ġnien ta’ Dar Manresa.

L-attivitajiet djoċesani għall-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ ikomplu wara l-istaġun tas-sajf.

L-inizjattiva djoċesana li jmiss favur il-familja, miftuħa din id-darba għal kulħadd, hi l-kors dwar “Ir-Relazzjonijiet fil-Familja”, immexxi mill-Isqof Anton, li ser jinżamm bejn l-1 u l-15 ta’ Lulju mill-Istitut għall-Ministeru Pastorali. L-applikazzjonijiet għall-kors jinsabu miftuħa fuq: https://www.ipm.edu.mt/courses/psychodynamics-of-family-relationships/.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email lil [email protected] jew iċempel 99877339.

📷 Monica Grima

Aqsam fuq