Sors: Facebook
Nhar it-Tlieta 16 ta’ April 2024, fil-Kurja ta’ Għawdex ġie ffirmat ftehim bejn il-Parroċċa ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Sovran, Militari u Ospedalier ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta. B’dan il-ftehim, il-Parroċċa tax-Xewkija qed issellef għal perjodu ta’ għaxar snin lill-Ordni ta’ Malta post fi Triq l-Imġarr biex iservi ta’ uffiċċju u kwartieri tal-istess Ordni, għal skopijiet karitattivi.
Il-ftehim kien iffirmat mis-Sur Anthony Bezzina, Segretarju Amministrattiv tal-Kurja ta’ Għawdex; Mons. Daniel Xerri, Arċipriet tal-Parroċċa tax-Xewkija; is-Sur Daniel de Petri Testaferrata, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ Malta; u l-Ospedalier Dr Kevin Dingli.
L-għan hu biex l-Ordni ta’ San Ġwann ikollu post minn fejn ikun jista’ jopera u joffri s-servizzi tiegħu f’Għawdex, fosthom għajnuna soċjali ma’ Għawdex kollu peress li l-każijiet qegħdin dejjem jiżdiedu.
L-Ordni jixtieq ikompli r-rabtiet speċjali li għandu mal-Parroċċa ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija peress li l-Knisja Rotunda hija wkoll is-Sede Spiritwali tal-Kavallieri ta’ Malta f’Għawdex, skont l-editt tal-1978 maħruġ mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u l-Gran Maġisteru f’Ruma.