Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

“Qed ngħixu f’soċjetà fejn kulma jmur qegħdin nitilfu l-element tal-qadi

Sors: Facebook

“Qed ngħixu f’soċjetà fejn kulma jmur qegħdin nitilfu l-element tal-qadi. Il-qadi bħala l-wiċċ prattiku tal-imħabba fir-relazzjonijiet qiegħed kulma jmur jgħib fil-ħajja tas-soċjetà; m’għadux karatteristika tal-imħabba imma qiegħed isir xogħol bi ħlas.

L-Iskrittura tgħinna nagħmlu l-moviment bil-maqlub, u bl-għajnuna tal-esperjenza tal-Verb Inkarnat tippreżentalna l-qadi bħala esperjenza ta’ mħabba u mhux ta’ jasar.

San Lawrenz, id-djaknu, jgħinna niskopru s-sabiħ ta’ li taqdi lill-oħrajn, biex l-imħabba ma tibqax idea imma ssir ħaġa konkreta. Hu jippreżenta ruħu quddiemna bħala persuna li tant tħobb, li trid tesprimi dan b’għemil: lejn Alla, lejn il-Knisja, imma fuq kollox lejn il-foqra.

Jekk l-imħabba tiegħi lejn Alla u lejn il-Knisja ma tissarrafx fi mħabba konkreta lejn il-fqir, jien nista’ naqa’ f’ħafna inganni. F’soċjetà fejn kulħadd għandu alla għalih, jekk l-imħabba tiegħi ma tissarrafx fi mħabba lejn il-fqir, faċli li nimmaġina li dak li ngħid jien jgħidu Alla, li la għandi raġun jien Alla jaqbel miegħi. Dħalna fil-mentalità ta’ narċisiżmu projettat fuq Alla. Anki bil-Knisja nista’ ninqeda biex nasal fejn irrid. Inħobbha, imma għax qed ninqeda biha.

Imma meta l-imħabba lejn Alla u l-Knisja tissarraf fi mħabba lejn persuna li mhi ħa tagħtini xejn lura, allura veru li hi mħabba awtentika.

San Lawrenz, inti li kont djaknu – qaddej u skjav bil-ferħ u bi mħabba lejn il-Missier, il-Papa, il-Knisja, il-foqra – għinna ma nitilfux, anzi nerġgħu niskopru dan is-sens profond ta’ qadi li suppost huwa l-karatteristika fundamentali tagħna l-Insara. Agħtina li nixbhuk xi ftit. Għinna int, kif għint lin-nies qalbhom maqtugħa ta’ Ruma fi żmien ta’ persekuzzjoni attiva, biex aħna wkoll f’din il-pereskuzzjoni passiva nibqgħu qawwija u sħaħ f’dak li għaddewlna missirijietna.”

▶️ Segwi l-omelija sħiħa li għamel dalgħodu l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Lawrenz

Aqsam fuq