Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

“Qegħedni bħal siġill fuq qalbek (Għan 8:6)” kienet it-tema taċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana…

Sors: Facebook

“Qegħedni bħal siġill fuq qalbek (Għan 8:6)” kienet it-tema taċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana li nżammet nhar is-Sibt 10 ta’ Jannar, fis-Santwarju Ta’ Pinu, għall-għarajjes li qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ Nisrani.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni, immexxija mill-Isqof Anton Teuma, il-koppja Joseph u Josephine Micallef qassmu mal-għarajjes mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli li għexu matul it-23 sena taż-żwieġ tagħhom. Qalulhom kif, fit-tbatija kbira li għaddew minnha meta tilfu lil binhom James, ftit tal-ġimgħat qabel ma kellu jagħlaq erba’ snin, meta t-tentazzjoni li jeħduha kontra Alla kienet hemm, kienet iċ-ċertezza li Alla jħobbhom, jaf minn xiex għaddejjin u ser jieħu ħsiebhom, li għenithom ikomplu. Żiedu li l-fatt li bħala koppja kienu u għadhom jattendu għal-laqgħat ta’ formazzjoni spiritwali għenhom jikbru f’din iċ-ċertezza, u li s-sapport li sabu minn diversi persuni fil-gruppi li jattendu kien ta’ għajnuna kbira. Ħeġġew lill-għarajjes biex jinvestu fil-komunikazzjoni ta’ bejniethom, biex ma jkejlux ma’ xulxin, biex bħala koppja jfittxu akkumpanjament spiritwali u uman, u biex meta jkollhom xi jgħidu bejniethom ma jmorrux għand il-ġenituri tagħhom għaliex diffiċli li dawn ikunu imparzjali.

Iċ-ċelebrazzjoni laħqet il-qofol tagħha bl-għotja tas-salib tal-maħbubin lill-għarajjes. F’kontinwazzjoni mat-testimonjanza ta’ Joseph u Josephine, l-Isqof Anton spjega lill-għarajjes li fiż-żewġt iqlub magħquda mas-salib hemm issimbolizzati t-tliet persuni li jridu jingħaqdu u jgħaqqdu ż-żwieġ tagħhom: huma t-tnejn u Kristu. Stieden lill-għarajjes biex fuq dak is-salib ipoġġu t-tbatija li ġa jbatu għal xulxin. B’referenza għall-qari mill-Iskrittura li nqara aktar kmieni minn wieħed mill-għarajjes (1 Ġw 4:7-12), l-Isqof qal li jista’ jiġri li aħna ma nindunawx bl-imħabba li biha jħobbna Alla. Xebbah dan mal-esperjenza ta’ ġuvni li jkun iħobb bi mħabba tal-ġenn lil tfajla, imma hi ma tħobbux lura; il-fatt li ma jkunx korrispost ma jnaqqas xejn mill-imħabba li dak il-ġuvni jkollu lejn dik it-tfajla. Imma filwaqt li fl-esperjenza umana aħna faċilment negħjew inħobbu meta ma nkunux maħbubin lura, Alla ma jegħja qatt iħobbna. Saħaq fuq l-importanza tas-smigħ tal-Kelma u tal-Ewkaristija biex dak li jkun jagħmel esperjenza tal-imħabba ta’ Alla.

Iċ-ċelebrazzjoni, li kienet animata minn membri tal-Kor Djoċesan, rat ukoll il-parteċipazzjoni tal-kappillani tal-Parroċċi ta’ Għawdex u ta’ diversi operaturi pastorali li matul is-sena jakkumpanjaw lill-għarajjes tul il-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ tagħhom.

Aqsam fuq