Sors: Facebook
Bejn l-1 u s-6 ta’ Marzu qed tkompli l-esperjenza tal-Mixja Sinodali permezz tal-Assemblea Kontinentali tal-Afrika, li qed tinżamm f’Addis Ababa, l-Etjopja. Il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, li qed jattendi għal din l-Assemblea, qasam magħna dan ir-rakkont ħelu li fih innifsu hu esperjenza qawwija ta’ Knisja Sinodali.
“Wasalt Addis Ababa għall-Assemblea Sinodali tal-kontinent tal-Afrika, fejn hawn 220 mill-Afrika kollha jieħdu sehem. Esperjenza ekkleżjali sabiħa... imma l-isbaħ mument matul din iż-żjara kien meta ltqajt ma’ saċerdot li staqsieni jekk nafx min huma ‘the Maltese sisters’! Kien qed jirreferi għas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù. Għidtlu: ‘Dawk nafhom għax huwa ordni reliġjuż li twieled fid-Djoċesi tiegħi, Għawdex’. Xħin morna nsellmulhom, laqgħetni Madre Lutgarda Camilleri li ilha hawn 54 sena! Hawnhekk is-Sorijiet Franġiskani jieħdu ħsieb orfanatrofju. Dritt, Madre Lutgarda ċemplet lil Sr Lux Marie Grech tas-Sorijiet tal-Karità ta’ Madre Tereża biex tiġi ħalli naraha. Fraħt meta rajthom, għax huma parti mill-Knisja Għawdxija fil-missjoni. Naturalment ftakart ħafna f’Mons. George Grima li waqqaf il-Moviment Ġesù fil-Proxxmu u ħadem ħafna hawn; illum hemm Dun Alex Cauchi li qed ikompli din il-ħidma. Imma ċ-ċirasa fuq il-kejk kienet meta jumejn wara konna fil-Konkatidral ta’ din il-belt u kif nidħol fl-uffiċċju tal-Kardinal Berhaneyesus Souraphiel, Arċisqof ta’ din id-Djoċesi, fuq l-iskrivanija nilmaħ ritratt tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani. Minn Ta’ Kerċem fejn twieldet, Madre Margerita waslet Addis Ababa!”.