Sors: Facebook
Dalgħodu, għadd sabiħ mid-29 żagħżugħ u żagħżugħa mid-Djoċesi tagħna li l-ġimgħa d-dieħla ser ikunu qed jieħdu sehem fis-37 Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona, il-Portugall, kellhom quddiesa mmexxija mill-Isqof Anton Teuma fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla.
L-Isqof ta’ Għawdex, li ħa jkun qed jakkumpanja l-kotinġent Malti bejn l-1 u s-6 ta’ Awwissu fil-kapitali Portugiża, fl-omelija tiegħu qal li “se ngħixu din l-esperjenza lkoll flimkien bħal aħwa, kollha bl-istess għan: li nersqu u nsiru nafu lil Ġesù aktar mill-qrib”.
B’riferiment għat-tema ta’ dan il-JDŻ li hi ż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta, l-Isqof żied jistieden liż-żgħażagħ Għawdxin biex “kif Santa Eliżabetta u l-Madonna, li kienu minn klassijiet soċjali differenti, xorta ngħaqdu ma’ xulxin u ħabbew lil xulxin, hekk għandna nagħmlu aħna bejnietna u maż-żgħażagħ li ħa niltaqgħu magħhom minn madwar id-dinja kollha”.
Uħud mill-grupp ta’ 560 pellegrini żgħażagħ Maltin u Għawdxin diġà telqu lejn il-Portugall, fejn mistennija li jattendu ’l fuq minn 300,000 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja u magħhom fl-aħħar jumejn jingħaqad il-Papa Franġisku, waqt li l-grupp Għawdxi jħalli Malta t-Tnejn filgħaxija.
Żomm ruħek aġġornata permezz ta’ https://www.facebook.com/wydmalta