Sors: Facebook
Dalgħodu, l-Isqof Anton Teuma flimkien mal-istaff tal-Kurja, iċċelebra quddiesa b’suffraġju ta’ ruħ Mons. Pawlu Cardona, li miet fil-21 ta’ Ġunju li għadda, u li kien Vigarju Episkopali għall-Kleru b’uffiċċju fl-istess Kurja.
L-Isqof semma kif il-ħarsa ta’ Dun Pawl kienet ‘minn fuq għal isfel’, mhux biss minħabba l-istatura kbira ta’ persuntu, imma wkoll għax kellu l-ottika ta’ Alla f’kulma jagħmel. Huwa rrifletta dwar id-diversi kwalitajiet sbieħ ta’ Dun Pawl, fosthom l-għożża tal-fraternità saċerdotali, l-ubbidjenza lejn is-superjuri, il-paternità spiritwali, u l-imħabba lejn il-Knisja, kif ukoll l-eżemplarità fil-ġarr tas-slaleb tal-ħajja mgħaqqdin mat-tbatija ta’ Kristu li kien il-mudell kontinwu tiegħu.
Fl-aħħar tal-quddiesa l-Isqof ta’ Għawdex sellem lit-‘tliet familji’ ta’ Dun Pawl li kienu rrappreżentati fiċ-ċelebrazzjoni: dik naturali li tatu kull sapport fil-ministeru saċerdotali tiegħu, dik tal-Korp tal-Pulizija li tiegħu kien Kappillan, u dik tal-istaff tal-Kurja fejn kien jieħu pjaċir jirfes biex iwettaq is-servizz tiegħu lill-Knisja lokali fl-aħħar snin.
📢 Infakkru li mit-Tnejn 14 sal-Ġimgħa 18 ta’ Awwissu, il-Kurja tal-Isqof tkun magħluqa għall-btajjel ta’ Santa Marija. 📢