Sors: Facebook
Fil-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara, id-Djoċesi ta’ Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Leġjun ta’ Marija u l-Uffiċċju tal-Kordinament tal-Komunitajiet Etniċi f’Għawdex, organizzat Servizz Ekumeniku fil-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja, tal-Patrijiet Kapuċċini, fil-Belt Victoria, nhar l-Erbgħa 25 ta’ Jannar, fl-4.00pm. It-tema magħżula għal din is-sena kienet imsejsa fuq frażi meħuda mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija 1:17: “Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt”.
F’din l-okkażjoni twassal messaġġ mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma mibni fuq is-silta ta’ Mt 25:31-40, dwar il-ġudizzju universali, filwaqt li messaġġ ieħor twassal mir-Rev. Ian Rutherford, Chaplain tal-Komunità Anglikana ta’ Malta u Għawdex, dwar il-mixja diffiċli tal-proċess ekumeniku, fejn il-konfessjonijiet kollha flimkien imsejħa jiġġieldu kontra l-inġustizzji li llum ukoll jheddu l-istabbiltà umana.
Waqt dan is-servizz ta’ talb, żewġ membri mill-komunità Anglikana wasslu tliet esperjenzi personali dwar kif irnexxielhom jirbħu l-inġustizzji u l-forzi tal-ħażen u kif ħadmu flimkien mal-oħrajn għall-għaqda u l-paċi. Fost dawk li attendew kien hemm numru sabiħ ta’ barranin, membri tal-Leġjun ta’ Marija, u s-seminaristi tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.