Sors: Facebook
Fl-14 ta’ April, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma kellu laqgħa ma’ The Priests – Fr Martin u Fr Eugene O’Hagan u Fr David Delargy. Din il-laqgħa saret fil-Kurja tal-Isqof fil-preżenza tal-Vigarju Ġenerali Mons. Tarċisju Camilleri u l-Arċipriet tax-Xagħra Mons. Karm Refalo.
Dakinhar filgħaxija t-trio ta’ saċerdoti-kantanti żamm kunċert fil-Bażilika tax-Xagħra fl-okkażjoni tal-50 sena mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa tal-Bambina, li għalih il-pubbliku attenda numeruż.
Fil-laqgħa tiegħu magħhom l-Isqof Teuma sema’ l-esperjenza ta’ dawn it-tliet saċerdoti mill-Irlanda li qalulu kif sal-lum għadhom impenjati qalb in-nies billi jwettqu ħidma pastorali f’parroċċi differenti fl-Irlanda ta’ Fuq.
L-Isqof irrimarka b’mod pożittiv il-fatt li dawn is-saċerdoti żammew bħala ‘stage name’ l-isem The Priests u apprezza l-fatt kif wieħed juża t-talenti tiegħu, jiġifieri l-kant, biex iwassal il-messaġġ tal-Vanġelu.
Interessanti kienet l-esperjenza tal-Maniġer tagħhom Tom li rrakkonta dak li ġralu snin qabel meta żar Ta’ Pinu. Hu jirrakkonta li għalkemm mhuwiex persuna reliġjuża, ra ħafna nies deħlin fis-Santwarju Ta’ Pinu u allura huwa u martu tħajru sabiex jidħlu hemmhekk huma wkoll. Martu talbet bil-qalb għarkupptejha quddiem l-inkwadru... u jkompli li meta marru lura għand it-tobba l-grazzja nqalgħet.
Il-kunċert ta’ The Priests f’Għawdex seta’ jittella’ bl-inizjattiva tal-JP2 Foundation u bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
📷 Fondazzjoni JPII / Anthony Grech