Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

“Ġlieda tajba! Kif naffrontaw il-kunflitti bejnietna”

Sors: Facebook

“Ġlieda tajba! Kif naffrontaw il-kunflitti bejnietna”... Dan kien is-suġġett ta’ seminar li nżamm nhar is-Sibt 25 ta’ Novembru għall-koppji għarajjes li fil-preżent qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ Nisrani fid-diversi parroċċi tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Il-kelliem tas-seminar kien l-Isqof Anton Teuma.

Bl-għajnuna tiegħu l-għarajjes ingħataw il-possibbiltà li jifhmu li l-kunflitti jagħmlu parti mill-ħajja tal-koppja, u li l-problema ma tinsabx tant fin-nuqqas ta’ qbil imma tinsab fil-mod żbaljat li bih spiss jiġu affrontati l-kunflitti! Veru li l-kunflitti jistgħu jkissru lill-koppja, imma hu veru wkoll li, jekk affrontati b’mod tajjeb, il-kunflitti jistgħu jkunu okkażjoni biex il-koppja tikber, titgħallem tikkomunika b’mod matur u tissaħħaħ. L-għarajjes ingħataw għajnuniet prattiċi biex jagħrfu d-dinamika tal-kunflitti ta’ bejniethom u biex jaħdmu ħalli jtejbu l-komunikazzjoni dwarhom.

B’rabta anki mat-tema tas-Sena Pastorali preżenti, ir-rikonċiljazzjoni, l-Isqof kompla jgħid li, proprju minħabba l-fatt li n-nuqqas ta’ qbil hu inevitabbli, il-maħfra hi indispensabbli fir-relazzjoni tal-koppja. Bl-għajnuna tal-parabbola tal-qaddej li kellu jagħti għaxart elef talent lis-sinjur tiegħu (Mt 18:21-35), spjega li l-maħfra mhix sempliċement marbuta ma’ dawk is-sitwazzjonijiet meta nonqsu jew inweġġgħu lil xulxin. Il-maħfra hi l-imħabba mogħtija b’rigal, mogħtija b’xejn. Hi l-mod ta’ kif Alla kontinwament iħobb lilna.

📷 Monica Grima

Aqsam fuq