Sors: Facebook
Hekk kif iż-żmien liturġiku tal-Milied qorob lejn tmiemu, komplew fid-Djoċesi ta’ Għawdex l-inizjattivi marbuta mat-tema tas-Sena Pastorali, jiġifieri ċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla. F’dawn ix-xhur il-Knisja f’Għawdex qed tkompli tikkontempla din il-Kelma li saret laħam f’Ġesù Kristu, li għadna kemm iċċelebrajna t-twelid tiegħu.
’Il fuq minn 150 koppja għarajjes Għawdxin li bħalissa qed jagħmlu l-mixja ta’ formazzjoni tagħhom fil-parroċċi biex twassalhom għaż-żwieġ fil-Knisja, attendew għal Ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla fis-Santwarju Ta’ Pinu, nhar is-Sibt 7 ta’ Jannar filgħaxija, bit-tema “Inti, li qalbi tħobbok” (Għan 1:7).
Iċ-ċelebrazzjoni fetħet b’testimonjanza qasira minn koppja miżżewġa dwar kif il-Kelma ta’ Alla għamlet differenza konkreta fil-ħajja tagħhom. Bosta huma dawk il-koppji miżżewġin f’Għawdex li llum il-ġurnata jiltaqgħu b’mod regolari madwar il-Kelma ta’ Alla waqt laqgħat ta’ komunitajiet jew gruppi oħra ta’ formazzjoni.
Fir-riflessjoni li għamel l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, hu nnota kif, miġburin hekk fil-knisja, l-għarajjes, flimkien mal-kappillani tagħhom u mal-koppji animaturi li jsegwuhom fit-tħejjija għaż-żwieġ, kienu qed jifformaw il-Ġisem mistiku ta’ Kristu. Spjega li l-vini ta’ dan il-ġisem huma r-relazzjonijiet ta’ bejn il-persuni fi ħdan il-Knisja. Tenna li d-demm li jiġri fih, dak li jżomm ir-relazzjonijiet bejn il-membri b’saħħithom, hu l-Kelma ta’ Alla. Ħeġġeġ lill-għarajjes biex isiru midħla ta’ din il-Kelma, biex ħajjithom jibnuha fuq il-Vanġelu, u hekk ir-relazzjoni tagħhom tkun tassew b’saħħitha u huma jintrabtu dejjem aktar flimkien fl-imħabba vera.
Il-mument ċentrali ta’ din iċ-ċelebrazzjoni kien l-għoti ta’ kopja tal-Bibbja lill-koppji għarajjes kollha preżenti. Dawn twasslu mill-Isqof flimkien mad-diversi kappillani preżenti li għamlu talba żgħira fuq l-għarajjes waqt li għaddewlhom f’idejhom kopja tal-Bibbja, b’xewqa li l-Kelma ta’ Alla tkun fiċ-ċentru tal-imħabba tagħhom u ’l quddiem tal-familja ġdida li jibdew jibnu.
Inizjattiva simili se tittieħed iktar tard f’Jannar, meta b’rabta mal-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla kull dar Għawdxija se tirċievi kopja tal-Vanġelu skont San Mattew, li minnu bħalissa jkunu jixxandru siltiet fil-Liturġija tal-Ħadd.
Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet b’barka fuq l-għarajjes bil-Ktieb tal-Vanġelu mill-Isqof. Il-kant ġie animat mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ taħt id-direzzjoni ta’ Dorienne Portelli.
📷 Betty Bugeja