Sors: Facebook
Il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru, għadd ġmielu ta’ romol, irġiel u nisa, laqgħu s-sejħa u attendew fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u għall-messaġġ imħejji għalihom mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof fakkar lir-romol li qalb il-bniedem hi maħluqa biex tħobb u biex tkun maħbuba. Għaldaqstant meta l-persuna li aħna nħobbu u li kienet tħobbna tiġi nieqsa, jinħoloq vojt fil-qalb tagħna, u dan ikun il-kawża ta’ uġigħ u ta’ tbatija kultant mingħajr tifsira, ta’ rabja għad-dinja, ukoll għal Alla, u ta’ rabja kontra tagħna nfusna għaliex nibdew noħolqu ġewwa fina sens ta’ ħtija. Irridu nkunu nafu li hu minħabba dan il-vojt li nkunu nġarrbu dan kollu.
Iżda f’dan il-vojt niġu wiċċ imb wiċċ max-xewqat tagħna li niltaqgħu ma’Alla. L-Isqof ikkwota l-Iskrittura fil-versi: “Ruħi għatxana għalik, o Alla tiegħi” (Salm 63:2), u fisser it-tixbiha sabiħa fil-vers tas-Salm: “Bħalma għażżiela tixxennaq għall-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, Mulej Alla tiegħi” (42:2). L-għażżiela biex twelled teħtieġ l-ilma u għaldaqstant din it-tixbiha tagħti s-sinifikat qawwi tax-xenqa tagħna għal Alla. L-Isqof għamel appell biex nistiednu lil Alla jimla dak il-vojt – vojt li ħin jew ieħor, taħt sura jew oħra, kulħadd iġarrab fil-ħajja – u ħeġġeġ lir-romol, nisa u rġiel, biex jitolbu: “Ejja, Mulej Ġesù”.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, waqt il-kant tal-innu Marjan, waħda mir-romol telgħet b’ħoġor ward sa quddiem ix-xbieha mirakuluża tal-Madonna Ta’ Pinu, u bħala rappreżentanta ta’ dawk kollha preżenti għamlet l-offerta tal-ward lill-Verġni Marija.