Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Ilbieraħ is-Sibt kien jum kollu ffukat fuq il-formazzjoni fil-mużika liturġika…

Sors: Facebook

Ilbieraħ is-Sibt kien jum kollu ffukat fuq il-formazzjoni fil-mużika liturġika fid-Djoċesi tagħna, hekk kif il-Kummissjoni Liturġika stiednet lil Fr Aurelio Mulè Stagno SDB, li studja f’dan il-qasam u hu attwalment Surmast tal-kor u organista fil-Katidral tal-Imdina, biex imexxi laqgħa għas-saċerdoti Għawdxin filgħodu fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb u Seminar għal dawk li jaqdu xi ministeru liturġiku tal-kant li nżamm iktar tard waranofsinhar fis-Sala ta’ Ġesù Nazzarenu fix-Xagħra.

It-tema prinċipali tas-Seminar, li għalih attendew fuq 90 ruħ bejn diretturi ta’ korijiet, kantanti, koristi, mużiċisti u animaturi, kienet X’ħa nkantaw illum. Fr Mulè Stagno qabad it-tagħlim tal-Knisja dwar is-suġġett, b’mod speċjali fl-aħħar 60 sena mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn, u ħareġ diversi riflessjonijiet attwali li jgħinu lil dawk involuti jagħmlu għażliet tajbin fejn jidħol il-kant f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Offra wkoll mir-repertorju vast tiegħu proposti validi għall-mumenti ritwali prinċipali tal-quddies, b’riferiment essenzjali għal dak li tgħid l-Istituzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman.

L-Isqof Anton Teuma f’intervent qasir fakkar li kull min hu involut fil-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-kant u mużika fil-Liturġija għandu jżomm f’moħħu li l-għan ewlieni tagħhom hu li jgħinu l-miġemgħa tagħmel esperjenza ta’ talb, waqt li fakkar lil koristi li forsi diġà jagħmlu parti minn korijiet profani jew li jkantaw f’kunċerti li huma għandhom jadattaw atteġġjament ieħor meta qed ikantaw f’korijiet għas-servizz liturġiku.

Il-Kummissjoni qassmet ukoll sussidju b’xi innijiet li jista’ jservi ta’ għajnuna għal meta tiġi biex issir din l-għażla, b’enfasi biex dawk li jagħżlu jkunu kreattivi biżżejjed, skont iċ-ċirkustanza u ż-żmien liturġiku, flok jaqgħu dejjem fuq l-istess ftit innijiet tas-soltu.

Tqassmet ukoll kopja bil-Malti tal-Istruzzjoni "Musicam Sacram" li kienet ħarġet fl-1967 bħala frott tal-Konċilju, u li tista’ tgħid hi l-aħħar dokument awtorevoli tal-Maġisteru tal-Knisja universali kollu kemm hu dwar il-qasam tal-mużika sagra u liturġika. Min jixtieq, jista’ jixtri kopja mill-Kurja tal-Isqof f’Għawdex għall-prezz ta’ €4.

Lejn tmiem is-seminar, dawk preżenti kellhom l-opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom, fejn tqajmu diversi punti dwar il-kant fit-tiġijiet, hekk kif fl-aħħar xhur il-Kummissjoni Liturġika pproponiet linji-gwida biex tgħin fl-edukazzjoni ta’ dawk li janimaw bil-kant dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

📷 Mario Xerri

Aqsam fuq