Sors: Facebook
Illejla, fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex, l-Isqof Anton Teuma mexxa Pontifikal Solenni fil-Katidral tal-Assunta, li fih ħadu sehem fost l-oħrajn il-President ta’ Malta Dr George Vella, il-President tar-Reġjun Dr Samuel Azzopardi, u s-Sindki u l-Kappillani Għawdxin.
Fil-linja tat-tematika soċjali li indirizza f’diversi omeliji tiegħu fl-aħħar xhur, l-Isqof fir-riflessjoni tiegħu qasam mal-miġemgħa dak li jinkwetah u dak li joħlom għal Għawdex tagħna.
“Għawdex tagħna mimli kollu bini, u koppja żagħżugħa ma għandhiex fejn toqgħod.
Għawdex tagħna mimli karozzi, u ma tistax issuq fit-triq.
Għawdex tagħna mimli ‘barranin’, imma ħa nibqgħu nsejħulhom barranin?
Ejjew inħarsu ’l quddiem u naraw x’jista’ jsir. Ma ngħixux bin-nostalġija u l-qrid ta’ kif konna, imma bit-tama ta’ kif nistgħu nkunu.
F’dan iż-żmien ta’ sinodalità – illum qed jiġi konkluż is-Sinodu fil-Vatikan – din it-triq ma tgħoddx biss għall-Knisja, imma għal kull organizzazzjoni.
Għawdex inbidel... jew aħjar, l-Għawdxin inbidlu: jonqos l-Ispirtu ta’ Alla... tonqos l-imħabba vera.
Għaliex hawn ħafna nies waħidhom, abbandunati għal rashom, fil-gżira żgħira tagħna?
Noħlom li noħolqu soċjetà ta’ integrazzjoni vera, qabel ma jkun tard wisq! Irridu nsibu modi kif nikkonvivu ma’ dawk li huma differenti minna, inkella jibqgħu barranin għalina u aħna barranin għalihom. Jeħtieġ li nsibu mod kif niltaqgħu flimkien u nippjanaw l-affarijiet ma’ xulxin, għax dan hu l-qofol tal-Vanġelu. Dan hu Għawdex li ġej...
Mhumiex l-istorja u l-kultura biss li jgħaqqduna flimkien, imma r-relazzjonijiet ta’ mħabba bejnietna u kemm naraw il-bżonnijiet ta’ xulxin u ta’ dawk li hawn fostna llum. Dan hu li jagħmel lil Għawdex tagħna attwali u ma nibqgħux ngħixu fil-passat.
Inħoss ukoll li għandha ssir xi ħaġa kemm fuq livell tal-industrija tal-bini u kemm fuq livell ta’ traffiku f’Għawdex tagħna. Dawn huma sitwazzjonijiet fejn minn naħa min hu b’saħħtu u qawwi jimxi u jibqa’ miexi, u min hu dgħajjef iktar jibqa’ lura. Imma dan mhux il-Vanġelu, dan ma joħloqx komunità, dan ma jħalliniex inħossuna iktar Għawdxin.
Nirringrazzjaw lil Alla li l-Providenza poġġietna f’din il-gżira. Ejjew infittxu flimkien il-ġid komuni veru, aktar minn dak individwali u personali, għall-ġid tal-gżira-rigal li laqgħetna.”
Fi tmiem il-quddiesa tkantaw l-Innu lil Għawdex u l-Innu Malti.