Sors: Facebook
In-Nunzju Appostoliku l-ġdid għal Malta Savio Hon Tai-Fai SDB kellu l-ewwel laqgħa tiegħu mal-kleru tad-Djoċesi ta’ Għawdex nhar is-Sibt li għadda, 7 ta’ Jannar, f’Villa Fiorita, Marsalforn.
Huwa indirizza lis-saċerdoti Għawdxin fi tmiem il-Laqgħa tal-Awguri tas-Sena l-ġdida li tmexxiet mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.
Fl-isfond tas-Sena Pastorali ddedikata lill-Kelma ta’ Alla bħalissa fid-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Teuma tkellem fuq l-importanza li kull saċerdot, qabel ixandar il-Kelma, jagħmilha tiegħu billi jiddedika iżjed ħin biex jisma’ l-Kelma u hekk tassew jista’ mbagħad ikun xhud tagħha.
“Xi tfisser il-Kelma ta’ Alla għalija?”, staqsa l-Isqof, waqt li saħaq li “jekk iddedikajna Sena tal-Kelma ta’ Alla għad-Djoċesi, l-ewwel li rridu niddedikawha hu lilna nfusna!”.
Wissa kontra l-periklu li s-saċerdot jimla qalbu bi ħwejjeġ oħra li ma jissodisfawx, anzi huma biss kumpensazzjonijiet, meta jittraskura r-relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ġesù li tiġi mis-smigħ attent tal-Kelma tiegħu.
Esprima t-tħassib tiegħu li dik li fil-bidu tas-saċerdozju kienet tweġiba hienja għas-sejħa ta’ Alla, bil-pressjoni tal-ħidma pastorali u tal-esiġenzi soċjali li mhumiex dejjem dawk ta’ Alla, tinbidel fi proġetti u inizjattivi personali li fl-aħħar mill-aħħar iħallu l-qalb tas-saċerdot vojta.
Għalhekk stieden għal ritorn lejn l-essenzjal tas-saċerdozju, li jinstab fir-relazzjoni mal-Mulej u mal-Kelma tiegħu, fejn il-protagonista mhuwiex is-saċerdot imma Alla.
Fakkar f’sentenza li baqgħet imwaħħla f’moħħu meta sema’ lill-Papa Benedittu XVI jgħidha: “L-ikbar, l-aqwa azzjoni pastorali hi li s-saċerdot jitlob!”. Dan għandu jistimulana, sostna l-Isqof, biex infittxu l-aspett kontemplattiv fil-ministeru saċerdotali, li mbagħad jimla bl-enerġija l-bqija tal-ħidma kollha fil-Knisja. Mill-bqija, “jekk ma nkunux aħna qabelxejn l-oġġett tal-pastorali tagħna, faċli ħafna li nsiru funzjonarji, u ma nibqgħux imsejħin”, tenna.
“Qed ngħixu f’soċjetà fejn il-prijoritajiet qegħdin kulma jmur jitbiegħdu minn dak li jħobb u jixtieq Alla. In-nies li nagħmluha magħhom jixtiequ ħaġa waħda – il-kumdità jew li jkunu sew, issa!”, irrimarka l-Isqof Teuma. Għalhekk tenna l-istedina tiegħu lis-saċerdoti biex “ma niddejqux nagħtu ħin għall-Kelma ta’ Alla, jew aħjar, inħallu l-Kelma tgħaddi l-ħin magħna”.
Semma wkoll l-importanza tal-omelija tal-Ħadd, li hu sejħilha “l-uniku kuntatt li baqgħalna mal-parti l-kbira tan-nies”. Għalhekk, id-Djoċesi ta’ Għawdex fi Frar se torganizza seminar għas-saċerdoti kollha dwar l-importanza tal-omelija. Safrattant, fakkar l-Isqof, “għalxejn nitkellmu fuq kif tipprepara l-omelija, jekk qabelxejn il-Kelma ma nħalluhiex tkellimna, jekk ma noqogħdux nisimgħu l-Kelma aħna l-ewwel”.
Wara l-laqgħa, is-saċerdoti Għawdxin kellhom ikla tal-okkażjoni flimkien mal-Isqof u man-Nunzju l-ġdid, li baqa’ Għawdex sa filgħaxija fejn ikkonċelebra fil-Quddiesa għal ruħ Benedittu XVI fil-Katidral.
📷 Anthony Grech