Sors: Facebook
Is-sesswalità u l-użu tajjeb jew ħażin tagħha b’mod medjatiku kienet it-tema diskussa fis-Seminar ‘Navis’ organizzat mill-Kummissjoni Żgħażagħ u mill-Kummissjoni Pastorali Skolastika tad-Djoċesi ta’ Għawdex ilbieraħ, li nżamm fl-NTYC, in-Nadur.
Il-ġurnalista Mark Laurence Zammit introduċa n-nofstanhar b’riflessjonijiet attwali fuq is-suġġett u kif hu ttrattat mill-midja, waqt li mbagħad Dun Richard N. Farrugia kompla daħal fid-dettall ta’ kif it-tagħlim tal-Iskrittura u tal-Knisja jħares lejn din it-tema hekk delikata u importanti.
F’messaġġ qasir tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma faħħar l-inizjattiva ta’ dan is-seminar, għax l-idea ta’ formazzjoni hi fundamentali, speċjalment għal dawk li għandhom responsabbiltà ta’ gruppi jew studenti fi ħdan il-Knisja.
Qal li b’xorti ħażina għad hemm ħafna kunċetti żbaljati fuq it-tema tas-sesswalità, imma dan hu qasam “għażiż ħafna għall-Knisja”, tant li kif naqraw fil-Ktieb tal-Ġenesi, Alla, “biex joħloq ritratt tiegħu fid-dinja ħoloq ir-relazzjoni sesswali”. Għalhekk, “għall-fidi tagħna s-sesswalità hi ħaġa kbira u sabiħa” li importanti ssir riflessjoni serja fuqha.
Fl-aħħar parti tas-seminar, iż-żgħażagħ preżenti, ħafna minnhom leaders ta’ gruppi fil-parroċċi, kellhom workshops fuq diversi oqsma, bħall-pornografija, l-orjentamenti sesswali, u l-identità tal-ġeneru, biex jagħrfu jindirizzaw aħjar dawn is-suġġetti mal-adolexxenti.
📷 Maria Camilleri