Sors: Facebook
Matul l-ewwel ġimgħat ta' Frar, tliet Għawdxin kienu parti minn żewġ delegazzjonijiet separati li rrappreżentaw il-Konferenza Episkopali Maltija f'żewġ laqgħat importanti tal-Knisja universali: l-Assemblea Kontinentali tas-Sinodu organizzata mill-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej flimkien mas-Segreterija tas-Sinodu, li nżammet fi Praga bejn il-5 u d-9 ta' Frar, bit-tema "Inwessgħu t-tinda tagħna"; kif ukoll il-Konvenju Internazzjonali għar-rappreżentanti tal-Kummissjonijiet Episkopali għal-Lajċi organizzat mid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, li nżamm fil-Vatikan bejn is-16 u t-18 ta' Frar, bit-tema "Ragħajja u fidili lajċi msejħa biex jimxu flimkien".
Il-membri Għawdxin fuq id-delegazzjonijiet kienu Dun Daniel Sultana, Segretarju Pastorali Djoċesan, Dun Krystof Buttigieg, Delegat tal-Isqof għall-Katekeżi u l-Familja, u Francesco Pio Attard, mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tad-Djoċesi.
Kienu mumenti qawwija ta' ekkleżjalità, fejn fl-ispirtu tas-sinodalità tant mixtieq mill-Papa Franġisku, il-Knisja f'Għawdex tat sehemha wkoll fir-riflessjoni li qed tagħmel il-Knisja bħalissa biex tkun tassew iktar evanġelizzatriċi u missjunarja.