Sors: Facebook
Minkejja l-maltemp tal-aħħar ġranet, għadd sabiħ ta’ familji Għawdxin inġabru flimkien mal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma għal ċelebrazzjonijiet li fihom sar it-Tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija, f’rabta wkoll mal-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl iċċelebrata lbieraħ.
Il-Ħamis 9 ta’ Frar filgħaxija, it-tfal li se jirċievu l-Griżma tal-Isqof iktar tard din is-sena, flimkien mal-ġenituri tagħhom, attendew għal quddiesa fis-Santwarju arċipretali tal-Qala. L-Isqof wera li apprezza ħafna u kemm-il darba ferħilhom tal-kuraġġ li kellhom li jisfidaw il-maltemp. Fl-omelija tiegħu semma li l-Griżma hi festa tal-familja kollha, għax il-ġenituri se jiftakru kif Alla se jikkonferma mħabbtu lejn uliedhom. Jistgħu wkoll jirringrazzjaw lil uliedhom tal-opportunità li tawhom biex magħhom ikunu jistgħu jsiru u jgħixu ta’ ġenituri. Min-naħa l-oħra, l-ulied jirringrazzjaw lill-ġenituri li tawhom iċ-ċans li jgħixu u jsiru jafu lil Alla, li hu ‘papà’ għax bħal kull missier, l-unika ħaġa li jixtieq hi li wliedu jkunu kuntenti, u hu jkun kuntent meta jarahom jiftiehmu.
L-għada l-Ġimgħa, fil-Knisja arċipretali ta’ Għajnsielem, l-Isqof fakkar lill-ġenituri u t-tfal tal-Ewwel Tqarbina li San Pawl ġabilna l-fidi f’Ġesù f’ġurnata bħal dik ta’ riħ qawwi mill-grigal 1963 sena ilu, u minn ġenerazzjoni għall-oħra bqajna ngħaddu din il-fidi lil xulxin. Fakkar lill-ġenituri li dakinhar taż-żwieġ tagħhom u tal-magħmudija ta’ wliedhom huma taw kelma li sejrin jgħaddulhom il-fidi tagħhom. Il-fidi mhix li tobdi l-Għaxar Kmandamenti u li timxi mal-liġijiet kollha, imma li temmen li, tagħmel x’tagħmel u int kif int, Alla lilek iħobbok. Anki jekk tiżbalja hu jibqa’ jħobbok, għax int għalih ibnu, bintu, u hu Missierek. Ħeġġiġhom biex din il-fidi jgħadduha lil uliedhom għax hi l-aktar ħaġa importanti: sewwa jagħmlu li jfittxu li jagħtuhom il-flus, il-proprjetà, l-edukazzjoni, xi sengħa jew professjoni, imma ma jridux jinsew jagħtuhom fuq kollox il-fidi fl-imħabba ta’ Alla, ħalli ma jibqgħux ħajjithom kollha jfittxu u jiġru jitolbu lil min iħobbhom. Jekk ikunu konvinti mill-imħabba ta’ Alla lejhom, ikollhom kollox, temm jgħid l-Isqof.
Fiż-żewġ quddisiet, ikkordinati mill-Uffiċċju tal-Katekeżi tad-Djoċesi ta’ Għawdex, kien hemm mument li fih twettaq il-ġest tat-Tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija, u bħal dakinhar, il-ġenituri kollha mmarkaw lil uliedhom bis-sinjal tas-salib.