Sors: Facebook
Mis-17 sal-24 ta’ Settembru f’Marsilja, Franza saru l-hekk imsejħa “Laqgħat tal-Mediterran” (Les Rencontres méditerranéennes), li fi tmiemhom ħa sehem ukoll il-Papa Franġisku.
Il-laqgħat kienu jikkonsistu f’diversi kategoriji, fosthom l-Isqfijiet, fejn Malta kienet irrappreżentata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi; żgħażagħ li ġew minn 29 pajjiż li jagħtu għal fuq il-Mediterran, fosthom Dun Jean Claude Attard; għalliema Kattoliċi u teologi mill-baċin tal-Mediterran; gruppi li jaħdmu mal-migranti; kif ukoll ir-Retturi tas-Santwarji Marjani tal-Mediterran.
Fost dawn tal-aħħar Malta kienet irrappreżentata mis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, fejn attendew ir-Rettur Dun Gerard Buhagiar u Dun Roberto Gauci.
Kull kategorija kienet tiltaqa’ u tiddiskuti flimkien f’postijiet differenti f’Marsilja, u mbagħad inġabru flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u fil-laqgħat li saru mal-Papa Franġisku bejn is-Sibt u l-Ħadd 23 u 24 ta’ Settembru.