Sors: Facebook
Mit-3 sas-7 ta’ Diċembru, il-membri tal-Kapitlu tal-Katidral ta’ Għawdex kienu Ruma għal pellegrinaġġ fuq l-oqbra tal-Appostli Pietru u Pawlu fl-okkażjoni tal-400 anniversarju mit-twaqqif mill-ġdid tal-istess Kapitlu.
Il-mawra fetħet b’quddiesa fuq il-Qabar ta’ San Pietru fil-Vatikan immexxija mill-Kardinal Mario Grech, fejn il-membri tal-Kapitlu kellhom ukoll l-opportunità jżuru l-iskavi taħt il-Bażilika ta’ San Pietru. Huma żaru u ċċelebraw ukoll il-quddiesa fil-Bażiliċi Maġġuri ta’ San Ġwann Lateran, Santa Maria Maggiore u San Paolo Fuori le Mura.
Nhar il-Ħamis 7 ta’ Diċembru, fil-Vġili tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-mawra laħqet il-qofol tagħha b’udjenza privata mal-Papa Franġisku fil-Palazz Appostoliku. Għal din l-udjenza l-Kapitlu kien imsieħeb mill-Kardinal Mario Grech u mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma. Il-membri tal-Kapitlu kellhom l-opportunità li jieħdu b’idejn il-Papa u kellhom mument sabiħ flimkien miegħu.
Il-Kapitlu ppreżenta replika tal-vara ta’ Santa Marija, xogħol fil-fidda, lill-Papa Franġisku u kopja tal-ktieb monumentali fuq il-Katidral tal-Assunta, li ħareġ ftit tas-snin ilu. Min-naħa tiegħu l-Papa Franġisku ppreżenta l-kallotta biex titpoġġa fil-Mużew tal-Katidral b’tifkira ta’ din il-mawra storika.
📷 Djoċesi ta’ Għawdex / L’Osservatore Romano