Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar l-Isqof Anton Teuma żar l-uffiċini l-ġodda tal-istamperija…

Sors: Facebook

Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar l-Isqof Anton Teuma żar l-uffiċini l-ġodda tal-istamperija djoċesana Gozo Press, wara li sar xogħol estensiv fuqhom sabiex dawn l-uffiċċji jkunu jirriflettu l-bżonnijiet attwali. Dan sar bl-intenzjoni li din l-istamperija mhux biss tkompli tagħti s-servizz tagħha fil-qasam tal-istampar, imma wkoll tkompli timmodernizza s-servizzi tagħha.

Din l-istamperija hija pjuniera f’Għawdex f’dan il-qasam, tant li l-Gozo Press kienet u għadha l-istamperija li mhux biss taħdem b’mod kummerċjali, imma tpoġġi s-servizzi tagħha għad-Djoċesi u l-parroċċi biex iwasslu l-messaġġ Nisrani.

Imwaqqfa fl-1956, sentejn ilu din l-istamperija fakkret il-65 sena minn meta fetħet il-bibien tagħha bi skop tassew nobbli: twaqqfet biex tgħallem sengħa lit-tfal tal-Istitut ta’ San Ġużepp, mibdi aktar qabel mill-Qaddej ta’ Alla Mons. Ġużeppi De Piro. Minn dakinhar ’l hawn l-amministraturi ta’ din l-Istamperija tad-Djoċesi ma ħarsu qatt lura u komplew jibnu fuq dak li sabu, biex illum għandna stamperija moderna li taqdi l-ħtiġijiet preżenti.

Fost l-oħrajn, din hi l-istamperija responsabbli mill-istampar tal-pubblikazzjoni tal-unika rivista ta’ kull xahar li tiġbor fiha ġrajjiet kurrenti u l-istorja ta’ Għawdex: Il-Ħajja f’Għawdex, li ilha toħroġ sa mill-1945.

L-uffiċini ġodda tal-Gozo Press f’Għajnsielem huma mqassma f’taqsimiet iddedikati għall-iddisinjar kif ukoll għall-amministrazzjoni tal-istess stamperija, b’attenzjoni biex il-klijent ikun moqdi bl-aħjar mod u f’ambjent akkoljenti.

Sezzjoni oħra ta’ dawn l-uffiċini hija ddedikata wkoll għal mużew żgħir li fih hemm esebiti magni antiki li bihom kien isir l-istampar fil-bidu ta’ din l-istamperija, li oriġinarjament kien jisimha Orphans’ Press.

L-Isqof Anton irringrazzja lill-istaff ċkejken imma ħabrieki tal-istamperija, u ġie mdawwar mal-kmamar kif ukoll muri x-xogħol fuq il-magni. Hu tkellem ukoll fuq il-potenzjal tal-post li jkompli jiżviluppa f’media hub tad-Djoċesi.

Aqsam fuq