Sors: Facebook
Nhar il-Ħadd 29 ta’ Jannar fil-5.30pm, fis-Sala tas-Santwarju Nazzjonali Ta Pinu, inżammet laqgħa ġenerali tal-Komunitajiet Ewkaristiċi ta’ Għawdex, ikkordinata minn Mons. Ġużeppi Attard.
F’din il-laqgħa ta’ katekeżi u talb b’attendenza sabiħa, Dun Richard N. Farrugia, Rettur tas-Seminarju, mexxa l-katekeżi fuq l-episodju tal-Ewnuku tal-Etjopja (Atti 8:26-40), fejn ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jagħmlu teżor mid-don tal-Kelma, biex jistgħu jgħixuha u jxandruha.
L-Isqof Anton Teuma sellem lil dawk preżenti, waqt li kien hemm ukoll mument ta’ fraternità.
Il-Komunità Ewkaristika hija esperjenza ta’ mixja ta’ fidi li permezz tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla u l-katekeżi tgħin lil-lajċi flimkien ma’ saċerdot jikbru fl-għarfien tal-Iskrittura Mqaddsa. Din hija espressjoni ta’ katekeżi għall-adulti, fejn nies ta’ kull kategorija soċjali u professjonali jiltaqgħu kull ġimgħa fil-parroċċi tagħhom. F’din il-realtà ekkleżjali jieħdu sehem koppji miżżewġa, persuni mhux miżżewġa, żgħażagħ ftit kbar, pensjonanti u anzjani, kif ukoll professjonisti u ħaddiema f’kull qasam.
Dawn il-komunitajiet daħlu fid-Djoċesi ta’ Għawdex aktar minn 20 sena ilu u attwalment qegħdin fi tmien parroċċi: il-Katidral, l-Għarb, in-Nadur, ix-Xagħra, il-Qala, Għajnsielem, Ta’ Sannat, u Ta’ Kerċem, kif ukoll fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II. Huma dejjem miftuħa għal membri ġodda li jixtiequ jagħmlu esperjenza ta’ mixja fil-fidi, fejn wieħed jista’ jsib is-sabiħ tal-qari tal-Iskrittura Mqaddsa.
📷 Monica Grima