Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Nhar is-Sibt 1 ta’ April, grupp ta’ ’l fuq minn 100 koppja għarajjes iltaqgħu għal tliet…

Sors: Facebook

Nhar is-Sibt 1 ta’ April, grupp ta’ ’l fuq minn 100 koppja għarajjes iltaqgħu għal tliet sigħat mal-Isqof Anton Teuma fis-sala tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof għall-irtir fi żmien liturġiku tar-Randan.

Dan l-irtir, li kellu bħala tema Imħabba Passjoni, kien jagħmel parti mill-mixja ta’ tħejjija umana u spiritwali li dawn l-għarajjes qegħdin jagħmlu għaż-żwieġ tagħhom. Jakkumpanjaw lill-għarajjes tul dan l-irtir kien hemm ukoll uħud mill-animaturi lajċi li matul is-sena jsegwu lill-għarajjes fil-formazzjoni tagħhom.

Fl-ewwel riflessjoni li għamel fuq ir-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija (Mt 26:17-46) l-Isqof għen lill-għarajjes preżenti jirriflettu fuq il-fatt li l-imħabba passjoni titlob is-sagrifiċċju, il-kapaċità li l-għarajjes jiċċaħħdu minnhom infushom biex jikbru dejjem aktar fl-imħabba għotja lejn xulxin. Bit-testimonjanza ta’ koppja miżżewġin żgħażagħ fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom, l-għarajjes ingħataw ukoll eżempji konkreti ta’ sagrifiċċji mitluba mill-imħabba reċiproka. Waqt it-tieni riflessjoni, ispirata mill-episodju ta’ Ġesù jitlob fil-Ġetsemani (Mt 26:36-46), l-Isqof ħeġġeġ lill-għarajjes biex, bħal Ġesù, ifittxu fit-talb u fl-għaqda mal-Missier l-għajn għall-imħabba tagħhom.

Flimkien mal-laqgħat li sarulhom matul dawn l-aħħar sitt xhur fil-parroċċi tagħhom, l-irtir offra okkażjoni oħra biex l-għarajjes isiru aktar midħla mal-Kelma ta’ Alla u jqallbu litteralment fil-paġni tal-Bibbja li kienet ingħatat lilhom aktar kmieni din is-sena b’rabta mat-tema tas-Sena Pastorali preżenti: iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla f’ħajjitna.

📷 Monica Grima

Aqsam fuq