Sors: Facebook
Nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu, fil-post iddedikat lill-Madonna Ta’ Pinu fl-inħawi ta’ Bacchus Marsh, ftit ’il barra minn Melbourne, saret il-funzjoni tal-kxif u t-tberik tal-istatwa tal-bronż ta’ Kristu Sultan. Din l-istatwa maħduma l-Italja hija kopja ta’ statwa oħra li wieħed isib fil-Polonja madwar il-pjanura tas-Santwarju tal-Ħniena Divina f’Swiebodzin, fil-punent tal-Polonja. Dik oriġinali ġiet inawgurata fis-6 ta’ Novembru 2010. L-inawgurazzjoni tal-istatwa u t-tberik tagħha saru minn Mons. Beneditt Camilleri megħjun bil-ħidma tal-Kappillan tal-Pollakki f’Melbourne Patri Ted Rostworoski SJ.
Il-funzjoni, li għaliha attendew numru mdaqqas ta’ nies, bdiet bil-purċissjoni mill-Marian Centre li jinsab fuq l-għolja ta’ Bacchus Marsh, lejn is-Santwarju ddedikat lill-Madonna Ta’ Pinu. Riċentement fil-kappella, li hija replika ta’ dik li għandna Għawdex f’Ta’Pinu, saret kopja sabiħa tal-mużajk tax-xbieha mpittra minn Amedeo Perugino.
Wara l-purċssjoni saret quddiesa kkonċelebrata li għaliha kien preżenti fost l-oħrajn Mons. Eddie Zammit, delegat tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma. Fit-tmiem tal-quddiesa Mons. Zammit qara messaġġ li l-Isqof Teuma bagħat għal din l-okkażjoni lill-Maltin u l-Għawdxin li jiffrekwentaw dan l-imkien qaddis. “L-imħabba tal-Għawdxin u l-Maltin lejn l-Omm tagħna Marija hija tant kbira li ma kienx biżżejjed il-bini ta’ tempji u santwarji sbieħ fil-gżejjer tagħna. Din l-imħabba marret lil hinn minn gżiritna u saħansitra waslet sa hawn f’Melbourne, l-Awstralja. Għax għalina l-Għawdxin u l-Maltin, l-imħabba lejn il-Madonna u l-imħabba lejn il-Madonna taħt it-titlu Ta’ Pinu, tagħtina identità, fi kliem ieħor, tgħinna nħossuna dejjem Għawdxin u Maltin, anki meta nkunu barra minn pajjiżna”, qal l-Isqof fil-messaġġ.
Preżenti għal din il-funzjoni kien hemm ukoll delegazzjoni mill-Kunsill tal-Għarb immexxija mis-Sindku David Apap li ppreżenta wkoll lil Dun Beneditt warda tal-fidda biex titqiegħed quddiem ix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu.
Wara l-quddiesa saret purċissjoni oħra qasira fuq l-istess għolja bis-sehem tal-Banda tal-Iscouts ta’ tfal ta’ nisel Sirjan u Lebaniż lejn il-post fejn tpoġġa dan il-monument ta’ Kristu Re, u saret iċ-ċerimonja tal-kxif u t-tberik. Qabel din il-funzjoni Mons. Beneditt Camilleri għamel diskors fejn fakkar lil dawk kollha li għenu biex 30 sena ilu seta’ jinxtara dan l-imkien u seta’ jinbeda dan il-proġett Marjan bl-għajnuna tad-Djoċesi ta’ Għawdex, is-Santwarju Ta’ Pinu u l-approvazzjoni tal-Isqof ta’ dak iż-żmien Mons. Nikol Ġ. Cauchi.