Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Patri Giulio Michelini OFM, biblista, kittieb prolifiku, professur u konferenzier, li…

Sors: Facebook

Patri Giulio Michelini OFM, biblista, kittieb prolifiku, professur u konferenzier, li f’Marzu 2017 kien imsejjjaħ fil-Kurja Rumana biex jagħti l-irtir lill-Papa, kien fostna biex jagħti l-irtir lis-saċerdoti Għawdxin f’Dar Manresa mit-Tnejn 11 sal-Ġimgħa 15 ta’ Settembru. It-tema kienet: “L-Ispiritwalità tas-Saċerdot fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla”, b’aċċenn għat-Testment il-Qadim. Is-saċerdoti ħarġu għatxana biex jibqgħu iktar f’kuntatt mal-Kelma ta’ Alla.

Fi kliem Dun George J. Frendo, wieħed milli attendew, “il-meditazzjonijiet imsejsa fuq eseġesi akkurata u interessantissma tat-testi, sew dawk magħrufa u sew dawk inqas magħrufa, kienu illuminanti ferm għall-ispiritwalità tas-saċerdot u konsegwentement għal atteġġjamenti pastorali effikaċi għax awtentiċi. Imħarreġ fl-iskola tal-meditazzjoni Injazjana anki minħabba l-frekwenza tiegħu personali għal meditazzjonijiet li kien jagħti l-Kardinal Carlo Maria Martini SJ fid-Duomo ta’ Milan, Padre Michelini fl-opinjoni tiegħi rnexxielu jikkonvolġi b’mod immedjat lilna li kellna l-grazzja li nattendu għal dan l-irtir”.

Il-Ġimgħa, l-istess predikatur iltaqa’ wkoll mas-saċerdoti u l-koppji animaturi li jgħinu fil-ħidma mal-għarajjes u mal-familji, li ngħaqdu flimkien għal seminar bit-tema “Nitħeġġu-Inħeġġu” fil-bidu ta’ sena oħra ta’ ħidma pastorali mal-għarajjes u favur il-familja.

Il-ħidma wiesgħa ta’ Patri Michelini tinkludi l-pastorali mal-koppji kif ukoll il-pubblikazzjoni, flimkien mal-koppja ta’ psikologi Maria Teresa Zattoni u Gilberto Cillini, ta’ diversi kotba dwar l-interpretazzjoni ta’ episodji mill-Bibbja minn perspettiva biblika-psikoloġika-familjari.

Imdawwal mill-Kelma ta’ Alla, u b’mod partikulari mis-siltiet li jitkellmu dwar iż-żmien tal-għerusija ta’ Ġakobb u Rebekka, Hosegħa u Gomer, u Ġużeppi u Marija, Patri Giulio għen lil dawk preżenti jirriflettu fuq dak li jista’ ikun għaddej minn qalb u moħħ l-għarajjes li jkunu qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ. B’riferiment għall-Enċiklika tal-Papa Franġisku "Amoris lætitia" kompla jirrifletti fuq x’tista’ tinkludi t-tħejjija għaż-żwieġ Nisrani.

L-Isqof Anton Teuma kien preżenti għas-seminar, u ddiskuta flimkien mas-saċerdoti u mal-animaturi tal-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ Nisrani l-ewwel laqgħa li huma ser ikollhom mal-għarajjes. Il-laqgħat jibdew fil-parroċċi kollha ta’ Għawdex fl-aħħar weekend ta’ Settembru.

📷 Monica Grima

Aqsam fuq