Alla Dejjem Magħna
Daqskemm hu sabiħ l-akkumpanjament, l-għajnuna u l-gwida, daqstant ieħor hija kerha s-solitudni jew meta nsibu rwieħna weħidna nimxu ma’ kull riħ. U l-vanġelu li għadna kemm smajna jitkellem fuq it-tmiem tal-missjoni ta’ Kristu fuq din l-art. Qabel tela’ s-Sema huwa ġabar madwaru t-Tnax u kkomunikalhom missjoni. Imma jekk dan hu t-tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Kristu, illum ukoll tibda preżenza ġdida ta’ Alla għall-bnedmin, preżenza fil-Knisja – u llum b’mod partikulari l-preżenza ta’ Kristu għalina l-bnedmin f’dawn il-presbiteri l-ġodda. Altru li għandna motiv biex irroddu ħajr lil Alla, li qed jagħti lill-Knisja u lis-soċjetà dawn iż-żewġt irġiel biex jiżgurana mill-preżenza ta’ Kristu.
Din hija l-missjoni tagħkom, għeżież djakni: li bid-don tas-saċerdozju intom tagħmlu lil Kristu preżenti qrib tal-bniedem tal-lum, f’soċjetà li, għalkemm minn barra tidher awtonoma anki minn Alla, u dan anki fis-soċjetà tagħna, imma jekk aħna nisimgħu x’hemm fil-fond tal-qalb tal-bniedem, insibu li hemm dan l-għatx għal Alla, hemm din il-karba għax il-bniedem qiegħed wisq fis-solitudni, huwa wisq nieqes minn gwida u akkumpanjament, mhux tal-bnedmin imma ta’ Alla.
Fejn ser tkun din il-preżenza ġdida li intom tridu ssibu għalikom u tagħmlu preżenti għall-bniedem tal-lum? Huwa interessanti li l-Vanġelu jurina kif lid-dixxipli Ġesù jibgħathom il-Galilija. Mela mhux Ġerusalemm, il-belt marbuta mas-sagru u mat-Tempju, imma fil-Galilija tal-ġnus: hemmhekk hemm preżenza ġdida u friska ta’ Alla.
Għeżież tiegħi, anki aħna llum għandna nimtlew bit-tama għax il-preżenza ta’ Alla mhix ristretta għal postijiet sagri, imma Alla jinsab kullimkien u jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-ħajja ta’ kull bniedem; mhux biss ta’ dawk li huma l-magħżulin tal-poplu Lhudi, imma wkoll tal-Ġentili li kienu jgħammru fil-Galilija. U hekk ukoll illum, għeżież tiegħi, aħna rridu nemmnu iktar li jekk il-bniedem iħalli lil Alla, Alla mhux se jħallih lill-bniedem. Jekk il-bniedem m’għandux spazju għal Alla, Alla min-naħa tiegħu jintervieni fl-istorja tagħna u jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-istess postijiet fejn aħna lanqas nobsru li ser ikun preżenti. U din hija l-missjoni tagħkom, għeżież djakni: li tiskopru dawn l-ambjenti, dawn is-sitwazzjonijiet. Tridu tiskopru l-preżenza ta’ Alla u bil-ministeru tagħkom tagħmlu din il-preżenza iktar espliċita; u allura ma tibqgħux fir-reċint tas-sagru, fis-sagristija, imma tiftħu l-bibien tal-Knisja beraħ ħalli tiltaqgħu mal-bniedem tal-lum, anki jekk minħabba l-mixi tiegħu l-bniedem riġlejh maħmuġin.
Interessanti li Kristu lill-Appostli jgħidilhom imorru l-Galilija, imma qatt ma jgħidilhom imorru fuq l-għolja. Mela għaliex Mattew jgħid li din id-dehra ta’ Kristu seħħet fil-Galilija, fuq il-muntanja? Jistax ikun li Mattew qiegħed ifakkar f’esperjenza oħra li saret fuq muntanja oħra: ta’ meta l-Mulej Ġesù tela’ fuq il-muntanja u hemmhekk ġabar is-sustanza u l-essenza tal-Vanġelu tiegħu? Qed nirreferi għad-Diskors tal-Muntanja, id-diskors tal-Beatitudnijiet; u ħadt gost li lbieraħ wieħed minnkom, fil-Velja ta’ Talb li kellna, għamel riferenza għad-diskors tal-Beatitudnijiet, għaliex dak huwa l-programm pastorali tagħna lkoll, partikularment tagħna l-presbiteri. Għaliex henjin huma dawk li jbatu minħabba s-sewwa, henjin dawk li jħennu, u henjin dawk li jaħdmu għall-ġustizzja. Aqraw dan id-Diskors tal-Muntanja, u hemm taraw kif Kristu hu preżenti, irid ikun preżenti u jakkumpanja lill-bniedem mhux biss fil-Knisja imma wkoll barra minnha.
Imma mbagħad interessanti li aħna mhux dejjem nintebħu b’din il-preżenza ta’ Kristu fil-postijiet li aħna mdorrijin fihom, għax, kif jgħidu, “familiarity breathes contempt”. Jien nibża’ li anki fil-post sagru ħafna drabi ma nintebħux li Kristu jgħaddi minn fostna, u għalhekk iktar u iktar irridu li jkollna kapaċità biex naraw lil Ġesù Kristu, naraw din il-preżenza ġdida u interessanti. Meta Mattew jgħid li d-dixxipli raw lil Ġesù, ma jużax il-verb fil-Grieg li jfisser li rawh fiżikament, imma juża kelma li biha jfisser li l-Appostli rawh bil-kapaċità interjuri tagħhom. Għax xi darba jista’ jkollok għajnejk miftuħin, imma jekk ma jkollokx l-għajnejn ta’ qalbek u ta’ ruħek indaf, ma tintebaħx b’din il-preżenza. Hawnhekk jien niftakar f’dak id-Diskors tal-Muntanja fejn Kristu qalilna: “Henjin dawk ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw lil Alla”. Għeżież tiegħi, ikollna nistaqsu hijiex din ir-raġuni li llum twassalna ngħidu li Alla huwa assenti, li Alla mhux interessat fil-ħajja tagħna, għax propju aħna m’aħniex ta’ qalb safja, u allura m’għandniex din il-kapaċità li naraw bl-interjorità tagħna l-preżenza ta’ Alla, il-preżenza ta’ Ġesù Kristu.
Imbagħad jgħid Mattew li xħin huma rawh, inxteħtu mal-art iqimuh: din hija l-prostrazzjoni fis-sens Bibliku, hija l-ammissjoni, ir-rikonoxximent li f’Ġesù Kristu huma ma rawx it-tifel tal-mastrudaxxa, ma rawx lil dak li twieled f’Betlehem u trabba Nazareth, imma raw lill-Iben ta’ Alla. Għeżież tiegħi, aħna wkoll illum għandna bżonn li nkunu ftit iktar umli u quddiem il-preżenza ta’ Alla ninżlu nadurawh, nirrikonoxxuh bħala l-Feddej tagħna u bħala dak li, kif jgħid Santu Wistin, Alla bagħtu fid-dinja biex jerġa’ jirrestawra l-ġeneru uman. Minn din ir-restawrazzjoni għandna bżonn u kif, f’diversi aspetti tal-ħajja tagħna. Għeżież djakni u minn hawn u ftit ieħor presbiteri ġodda, din hija l-missjoni interessanti li ser tafdalkom Ommna l-Knisja Mqaddsa.
Imma Mattew jgħid ukoll li mhux biss inxteħtu jadurawh, imma ddubitaw: u mhemmx qbil jekk hux il-ftit li ddubitaw minnu jew hux kollha kemm huma. Xi jfisser li ddubitaw? Ma ddubitawx li Kristu kien l-Iben, għax kieku ma kinux jinżlu fl-art jadurawh. Huma ddubitaw minnhom infushom. Iddubitaw minn dik il-fiduċja li Kristu kien qiegħed ipoġġi fihom bħala dawk il-Ħdax li huwa għażel u bagħathom. Għeżież saċerdoti ġodda u ħuti fis-saċerdozju, hemm din it-tentazzjoni fil-ħajja tagħna li minħabba diversi raġunijiet aħna nistgħu niddubitaw. U tiftakru meta Pietru ddubita? Meta Pietru emmen f’Ġesù Kristu u għaraf il-fiduċja li poġġa fih Ġesù Kristu, huwa mexa fuq l-ilma. Qattx imxejtu fuq l-ilma? Xħin ġieh id-dubju, beda nieżel. U hekk ukoll fil-ministeru saċerdotali tagħna, ma għandna nħallu qatt li d-dubju fuq is-sejħa tagħna, fuq il-ministeru tagħna, fuq l-għażla li għamel fuqna l-Mulej Ġesù, ixekkilna jew idgħajjef il-qawwa ministerjali tagħna.
X’qalilhom iżjed il-Mulej Ġesù lill-Appostli? Huwa tahom programm għall-ministeru tagħhom u bagħathom jgħallmu. Din hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti: li aħna ngħallmukom, wara li naturalment inkunu tgħallimna aħna jew wara li ħaddieħor ikun għallem lilna. U x’ngħallmukom? Hawnhekk irridu noqogħdu attenti, għax aħna ma nistgħux ngħallmukom dak li intom tixtiequ tisimgħu, imma aħna rridu ngħallmukom dak li ġie fdat lilna: il-Vanġelu, Ġesù Kristu. B’dispjaċir ikolli ngħid li mhux dejjem aħna fidili għal din il-missjoni. Aħna ttentati u xi darba nċedu għat-tentazzjoni li fil-ministeru tagħna bħala għalliema ma nkunux leali għal dan il-Vanġelu li l-Mulej qed jafdalna permezz tal-Knisja. U allura mhemmx Vanġelu jekk dan ma jkunx imsieħeb ukoll mill-Knisja!
X’jgħidilhom aktar fil-vanġelu tal-lum? “Morru għammdu fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Biex tgħammed ma tridx wisq, hux veru! Ġib ftit ilma u itfgħu fuq ras xi ħadd… Imma Mattew ma kienx qed jirreferi għar-ritwal tal-Magħmudija, imma l-kliem “Morru għammdu” ifisser “Morru għaddsu” lill-bniedem fil-ministeru ta’ Alla. Hux illum qed niċċelebraw is-solennità tat-Trinità Qaddisa? Għeżież presbiteri ġodda, din hija s-sejħa tagħkom u tagħna: li aħna lill-bniedem ngħinuh jogħdos mhux fil-ħama u fil-vojt, imma fil-ministeru ta’ Alla Trinità, jiġifieri Alla li hu Mħabba u Komunjoni, żewġ valuri li sfortunatament huma nieqsa anki fil-ħajja ekkleżjali tagħna, aħseb u ara fil-ħajja soċjali.
Il-Mulej Ġesù jkompli jgħidilhom: “Għallmuhom dak li qed ngħallimkom jien, il-Kmandamenti li qed nagħtikom jien”. Huwa qed jgħidilhom: “Għallmuhom mhux fit-teorija imma fil-prattika, għax forsi fit-teorija b’mod formali aħna lkoll Kristjani, u ftit jew wisq il-Katekiżmu nafuh. Imma mbagħad, xħin niġu biex nittraduċu l-Vanġelu u l-Katekiżmu għall-ħajja prattika ta’ kuljum, hemmhekk hemm bżonn li ma nkunux weħidna. Hemmhekk għandna bżonn l-għajnuna. Din hija l-missjoni tagħna, għeżież saċerdoti. Kemm hija interessanti l-garanzija li jagħtina Kristu qabel tela’ s-Sema: “Jien nibqa’ magħkom sal-aħħar taż-żmien”! Mela ara taqtgħu qalbkom, poplu ta’ Alla, għeżież ħuti fis-saċerdozju; ara taqtgħu qalbkom li ħa nkunu weħidna! Veru li din hija tentazzjoni, imma aħna għandna l-kelma mhux ta’ bniedem imma ta’ Alla li sar bniedem: “Jien nibqa’ magħkom sal-aħħar taż-żmien”. Imma biex din il-preżenza tinħass u tinqabad, u ma nħallux lil Alla għaddej bla ma nintebħu bih, nerġa’ ngħid li hemm bżonn il-ministeru tagħna s-saċerdoti. Għeżież tiegħi, araw daqsxejn kemm qiegħed jafdalna Alla l-Imbierek: li aħna bil-ministeru tagħna nagħtukom din il-garanzija li l-Mulej huwa magħkom!
L-aħħar punt. Ma kinux tnax imma kienu ħdax. Imma Ġesù mhux ħdax għażel imma tnax, u wieħed minnhom baqa’ barra, anzi għażel li jibqa’ barra, għażel li jfassal l-“appostolat” tiegħu, għażel il-karriera, għażel il-flus, għażel il-poter. Min jaf x’għadda minn moħħ u qalb Ġuda? Huwa fatt, iżda, li ħareġ barra mill-grupp, ħareġ barra mill-Kulleġġ Appostoliku, ħareġ barra mill-presbiterju. Jien dan nitlob fuqkom, għax aħna bnedmin, jien l-ewwel wieħed, u anki intom suġġetti għall-iżball; suġġetti li nagħmlu għażliet ħżiena u li dik l-“iva” li tajna fl-ordinazzjoni tagħna nirtiraw minnha. Hemm diversi modi kif nirtiraw, għax nista’ nibqa’ liebes iċ-ċoqqa imma nkun irtirajt mill-presbiterat tiegħi u mill-ministeru tiegħi.
Jalla l-Ispirtu tal-Mulej, li ser jinżel fuqkom illum, jagħtikom il-qawwa, u d-dilka tiegħu tħalli fikom dik il-fwieħa, dak il-karattru biex tibqgħu sħaħ sal-aħħar u tiżgurawlna l-preżenza tal-Mulej dejjem magħna.