Aqbeż għall-kontenut

Alla Jbus id-Dgħufija Tagħna

Il-Milied it-tajjeb lilkom ilkoll. Kif qed isibna dan il-Milied? Aħna ngħidu li l-Milied hu żmien ta’ ferħ. Jista’ jkun li l-ħwejjeġ, l-ilbies il-ġodda, il-parties, l-ikliet, il-laqgħat mal-ħbieb, ir-rigali ikunu l-kontinwità ma’ dan il-ferħ. Jiġifieri, għandna ferħ f’qalbna, imbagħad inkomplu naqsmuh; għandna l-ferħ ta’ Ġesù ġo fina, minkejja l-problemi u d-diffikultajiet, imbagħad b’xi mod inkomplu ngħixuh f’dan iż-żmien. Imma jista’ jkun ukoll li l-parties, l-ikliet, ir-rigali, l-ilbiesi l-ġodda, il-laqgħat mal-ħbieb, iservu sempliċiment biex naljenaw ruħna minn dan il-mument ta’ diffikultà li nkunu qed ngħixu. Jista’ jkun li nkunu għaddejjin minn problemi, diffikultajiet, inkwiet li ma jħalluniex inkunu fil-paċi u l-kwiet; il-paċi ta’ Ġesù ma nkunux nistgħu nħossuha, u allura b’xi mod irridu naljenaw ruħna. Naħseb li ninsabu f’waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet; jew inkella, nofs naħa, u nofs oħra.

L-aħbar tal-anġlu lir-ragħajja tgħodd ħafna għalina dalgħodu: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir” (Lq 2:10). Ferħ li jmur lil hinn mill-parties, mill-ikliet, mil-laqgħat mal-ħbieb, mill-ħwejjeġ ġodda, mir-rigali. Ferħ li jmur lil hinn, hu iktar fond. U jekk ikollna dan il-ferħ li jagħtuna l-anġli, allura l-bqija ngawduh tassew, ma jkunx aljenazzjoni. L-ikla li se nagħmlu f’nofsinhar, l-ikla tal-bieraħ, il-laqgħat mal-ħbieb – fejn nistordi ftit mill-inkwiet li nkun għaddej minnu – ma jkunux hekk, imma jkunu kontinwità.

Il-paċi li jwegħedna Ġesù mhix xi ħaġa li taqa’ mis-sema weħidha. Irridu nikkollaboraw aħna, hemm biċċa mis-sehem tagħna, hemm parti mir-responsabbiltà tagħna. Ejjew inħarsu ftit lejn dak li ġara fil-lejl tal-Milied. Il-ferħ u l-esperjenza li ġarrbu r-ragħajja tista’ bil-mod il-mod issir l-esperjenza tagħna. L-ewwel u qabel kollox, minn fejn semgħuha din l-aħbar ta’ ferħ? L-anġlu! U tgħiduli, issa aħna l-anġlu fejn se narawh u nisimgħuh?

Jekk aħna rridu nidħlu fl-esperjenza tal-ferħ tar-ragħajja, irridu aħna wkoll insibu l-anġlu tagħna. Mhux xi ħaġa fl-ajru, mhux fantasija. L-anġlu hu l-Kelma ta’ Alla, li lilna trid tgħinna nsibu l-ferħ fil-profondità tiegħu u ta’ qalbna. Għalxejn infittxuh f’elf ħaġa oħra dan il-ferħ, jekk ma nfittxuhx fil-Kelma ta’ Alla. Kien l-anġlu – il-kelma Griega angelos tfisser xi ħadd mibgħut biex jgħid xi ħaġa f’isem xi ħadd – li kien qed jitkellem f’isem Alla. Issa aħna għandna dan l-angelos fl-Iskrittura, fil-Kelma ta’ Alla. Jekk ma tkunx din il-Kelma ta’ Alla li aħna nieħdu minnha d-dawl għal ħajjitna, allura l-parties, l-ikliet, il-ħbieb, id-divertiment se jkunu sempliċiment aljenazzjoni, stordiment minn ħajja normalment ta’ diqa, jew jekk mhux ta’ diqa, ta’ apatija. Mela l-ewwel u qabel kollox dan il-lejl tal-Milied jgħallimna li jekk aħna rridu li l-ferħ ta’ Ġesù jmiss il-profondità ta’ qalbna, irridu nfittxu d-dawl tal-Kelma.

Imbagħad x’jgħidilhom l-anġlu lir-ragħajja. Kemm hi sabiħa! “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (v. 10) – għad-dinja kollha, għal kulħadd. U x’kienet din l-aħbar ta’ ferħ? Isimgħuha! “Illum… twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija, imfisqija u mimduda f’maxtura” (vv. 11-12). Dan l-għaġeb kollu għal tarbija, imfisqija u mimduda f’maxtura? Kieku qal: ‘Aħbar ta’ ferħ kbir, ġie l-imperatur Ottavjanu u se jeħliskom mit-taxxi’; ‘ġie l-Imperatur Ottavjanu u se jagħtikom kollha kemm intom ħafna u ħafna deheb’. Kieku dik hi aħbar ta’ ferħ. Aħna hekk nirraġunaw; imma Alla jirraġuna bil-maqlub. U qabel ma nidħlu f’dan ir-raġunament maqlub ta’ Alla, ma nsibux il-paċi.

X’inhu r-raġunament maqlub ta’ Alla? Irriflettu naqra. Jien, int, aħna kollha kemm aħna, nippruvaw li jekk jista’ jkun minn żgħar insiru kbar, għax m’aħniex kuntenti bina nfusna, ma naċċettawx lilna nfusna, inħarsu madwarna u nimmaġinaw li ħaddieħor aħjar minna, isbaħ minna, iktar importanti minna. U dan iġibna li ma nkunux kuntenti bina nfusna.

L-anġlu x’qalilhom lir-ragħajja? Alla sar tarbija, tliet kilos laħam. Il-moviment ta’ Alla hu totalment bil-maqlub tal-moviment tagħna. Aħna rridu nikbru… u dak li huwa kollox isir ċkejken. Irridu nidħlu f’dan il-moviment, f’dan ir-ritorn lejna nfusna, kif aħna. Imma tgħidli: ‘Jiena għandi l-problemi’. Il-problemi jagħmlu parti mill-ħajja tagħna. Tagħmilx problema oħra għax għandek il-problemi; taqlax biċċa nkwiet oħra għax għandek l-inkwiet. Tinkwieta għax inkwetat… diġà l-inkwiet hu biżżejjed! Irrid naċċettah, irrid nilqgħu. Il-moviment bil-kontra, lejn il-bniedem, mhux ’il barra mill-bniedem. Ir-ritorn lejn l-umanità vera, lejn dak li hu l-bniedem bħala ħolqien ta’ Alla.

U allura din hi tagħlima oħra kbira li jagħtuna r-ragħajja ta’ Betlehem, li jagħtina dan il-lejl ta’ Betlehem: Alla li jsir bniedem. L-anġlu jħabbar lir-ragħajja li se jiltaqgħu ma’ Alla mhux f’xi palazz kbir, se jiltaqgħu ma’ dan is-Salvatur mhux f’xi ħaġa straordinarja, ta’ barra minn hawn, imma fis-sempliċità, il-fraġilità, id-dguħfija. Aħna għanda perċezzjoni mhix preċiża ta’ Alla, meta Alla huwa dak iċ-ċkejken. U kull meta int taċċetta fik iċ-ċkunija u l-fraġilità, kull meta int taċċetta problema ta’ saħħa, diffikultà li ma tistax tissuperaha, inti tkun qed tagħmel bħal Ġużeppi u Marija. Ġużeppi aċċetta l-kelma tal-anġlu, u laqa’ lil Marija. Marija aċċettat ir-rieda ta’ Alla, u saret il-qaddejja. Mhux ippruvat tissupera lilha nfisha, li tgħaddi tagħha. Kemm jiġrilna aħna li naqilgħu nkwiet fuq inkwiet, inkabbru l-inkwiet, għax insibuha bi tqila biex naċċettaw ir-realtà tagħna! Mhux dejjem faċli naċċettaw ir-realtà.

Imma l-Evanġelju tal-lum, il-Milied, jgħallimna li s-sigriet tal-ferħ kbir hu li Alla jsir tarbija. Allura rrid noqgħod attent għall-istint li hemm fija, f’kull wieħed u waħda minna, dak ta’ Adam u Eva: “Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru allat” (Ġen 3:5). Mela ħa nieklu mis-siġra ħa nsiru allat. Dan hu l-istint li hemm ġo fina, li minn daqs nitfa rridu nsiru allat, għax m’aħniex kuntenti bina nfusna, għax irrabjati għalina nfusna.

It-tielet punt: meta jiena nagħraf li l-verità qiegħda fis-sempliċità, li l-veru ferħ qiegħed fil-faqar. Dawn il-ġranet kelli x-xorti li mmur iktar spiss fid-djar tal-anzjani li għandna f’Għawdex. U tafu intom, aħna l-anzjanità ngħidulha t-tieni tfulija. Imma dik hi r-realtà tal-bniedem. L-anzjanità tfakkrek ħafna f’Ġesù tarbija mfisqi u mimdud f’maxtura. Dawn huma l-ewwel snin tagħna u l-aħħar snin ta’ ħajjitna: kważi jagħlqu fi bracket dak li aħna tassew – fraġilità, dgħufija. Imma meta mbagħad inkunu fuq saqajna, minn 15-il sena sa 75, u forsi iktar, u hawn min forsi inqas, inħossuna l-allat tas-sitwazzjoni, jitla’ għal rasna, ma nibqgħux naraw. Nimmaġinaw li aħna kollox, u ninsew li aħna fil-fatt dik it-tarbija ta’ Betlehem, Ġesù.

U allura liema huwa t-tielet punt importanti li jagħtina l-veru ferħ? Li aħna nħarsu f’għajnejn xulxin u naraw f’xulxin nies fil-bżonn, nies li għandna bżonn l-għajnuna, l-imħabba, ir-rispett, il-maħfra ta’ xulxin. Araw l-Evanġelju, meta aħna nifhmu lil Alla tagħna, min hu u kif inhu, kif jaqilbilna għalkollox il-mod ta’ kif ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum: magħna nfusna, mal-oħrajn, u ma’ Alla.

Ejjew dalgħodu nħallu lil Alla jbus u jmelles id-dgħufijiet, il-weġgħat, id-dwejjaq, id-dnubiet tagħna. Dan hu l-Milied: Alla li jiġi u jbus bewsa twila li ma tispiċċax, li ma tiqafx, tmellisa twila tul ħajjitna kollha. Mhux tough fejn aħna b’saħħitna. Mhux kemm aħna qawwijin, u rridu nuru ’l hawn u ’l hemm, fuq il-mezzi u fuq il-midja soċjali. Alla jiġi jbus ir-realtà, il-verità tagħna; Alla jiġi jmelles il-fraġilità u d-dgħufija tagħna. Ejjew nibqgħu hemmhekk magħha, għax forsi jekk nibqgħu mad-dguħfija tagħna, insibu tassew lil Alla, u nsibu wkoll lilna nfusna.

pdf · 59.26 KB Niżżel