Aqbeż għall-kontenut

Alla ma Jaqtax Qalbu Minna

Fil-ħajja spiritwali ma hawn ebda marda li ma tistax titfejjaq. Tkun kemm tkun iddisgrazzjata, ebda persuna ma għandha tħossha rrifjutata minn Ġesù. Ħadd ma jista’ jżomm lil xi ħadd, tkun kemm tkun imdennsa u mniġġsa l-qagħda tiegħu jew tagħha, milli jersaq għand Ġesù. Għalija dan u aktar jgħidilna l-Vanġelu fir-rakkont tal-fejqan tal-lebbruż (ara Mk 1:40-45).

Insib interessanti li wara li jfejjaq lil dan il-lebbruż, Ġesù “jibagħtu ’l barra” (fil-verżjoni Griega hemm il-kelma emballo li tfisser hekk). Jekk il-fejqan seħħ fil-kampanja u mhux f’xi kamra, għaliex Ġesù jordnalu biex “joħroġ”? Għaliex Ġesù jridu joħroġ minn dik il-mentalità li kellhom il-Lhud li Alla ma jistax jiġi avviċinat minn dawk il-persuni li huma ddisgrazzjati. Sfortunatament din hija wkoll il-mentalità ta’ diversi fil-Knisja llum! Ġesù qed jgħidlu biex joħroġ minn dak il-qafas ta’ ħsieb u jibdel il-fehma tiegħu dwar Alla. Għaliex Alla ma huwiex dak li jippremja lit-tajbin u kattiv mal-oħrajn. Alla tagħna jħobb lit-tajbin, imma jħobb aktar lill-imqarbin! Alla għandu grazzja ma’ min hu bla grazzja! Hu ma jfittixx lil dawk li huma tal-qalba fit-Tempju, imma jmur wara dawk li huma mwarrba – ifittex lil dawk li huma maqtugħin mill-komunità, kif kien il-lebbruż. Alla juri preferenza ma’ dawk li jgħixu fit-trufijiet – ma’ dawk li huma meqjusa bħala l-iskart tas-soċjetà u tal-Knisja.

F’dan ir-rakkont għandna żewġ mirakli. Hemm il-fejqan tal-lebbruż, imma miraklu ikbar isir man-nies tal-Knisja. Fil-fatt, Ġesù jgħid lil-lebbruż imfejjaq: “Oħroġ u mur uri ruħek lill-qassis”. Fi kliem ieħor, qed jgħidlu biex imur juri ruħu lill-komunità ekkleżjali u jgħidilha li dan Alla ta’ Ġesù Kristu huwa dak li għandu kelma li tfejjaq, u li ħadd ma għandu jkun miżmum milli jismagħha. Huwa Alla li jibki ma’ min jibki. Xi drabi naħsbu li Alla jirraġuna kif nirraġunaw aħna. Billi fil-ħajja spiss jiġri li naslu biex inwarrbu lil dak jew lill-ieħor, jew naqtgħu qalbna minn dak u mill-ieħor, jew inkunu ħfief li nagħmlu ġudizzju fuq min jidher iddisgrazzjat… allura naħsbu li Alla jagħmel bħalna. Għalhekk Ġesù jħoss li għandu jibgħat lil dan il-lebbruż imfejjaq biex juri ruħu lill-Knisja, biex il-Knisja tagħraf min hu Ġesù. Ħasra li fostna fil-Knisja għad għandna min jaqta’ qalbu minn min jinsab f’xi disgrazzja spiritwali u morali, u flok ma naraw kif ser nagħmlu biex lil dawn ngħinuhom jiltaqgħu ma’ Ġesù, neskluduhom u naraw kif ser ngħollu ċ-ċint biex żgur ħadd ma jaqbeż ġewwa! Kif insemmi fl-Ittra Pastorali ta’ dan ir-Randan, fil-Knisja hawn min qed jitkarrab għall-ħobż u minflok nagħtuh ġebla; hawn min jitlob is-sagramenti u aħna ħfief biex nirrifjutawh. Ma għandix soluzzjonijiet faċli għal dawn is-sitwazzjonijiet, imma almenu hemm bżonn li flimkien nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħtina d-dawl dwar kif nistgħu nuru kompassjoni ma’ dawn il-persuni. Niżlitli għasel l-espressjoni riċenti tal-Papa Franġisku meta qal li t-triq tal-Knisja hija li ma tikkundanna lil ħadd eternament.

Huwa fatt li fostna l-bnedmin, anki fostna l-Insara, hawn min jibża’ jersaq għand Ġesù għax jaħseb li Ġesù ser jerfa’ idu biex jagħtih xi daqqa ta’ ħarta. Tassew li Ġesù joħroġ idu, imma biex biha jħaddanna u jmellisna. Ġesù jħaddem idejh biex jesprimi l-ħlewwa ta’ Alla.

Għalhekk nifhem għaliex Ġesù jgħid lil-lebbruż biex “joħroġ” min dik il-mentalità reliġjuża magħluqa u jmur jgħid lill-komunità li temmen biex huma wkoll ma jibqgħux imwaħħlin f’ċerti pożizzjonijiet. Ġesù jibgħat lil-lebbruż jgħidilhom x’esperjenza ħelliesa huwa għamel ta’ Alla. Min kien lebbruż kien miżmum milli jidħol fit-Tempju, aħseb u ara kemm seta’ jieħu sehem fil-liturġija, li hija ċ-ċelebrazzjoni tal-preżenza ta’ Alla fostna!

Għalkemm Ġesù jgħid lil-lebbruż biex jibqa’ sieket, hu mar ixandar u jxerred l-aħbar. Għeżież seminaristi, il-ministeru tal-Lettorat li ser nafdalkom illum ma jfissirx biss li intom ser ikollkom il-mandat li tiftħu l-ktieb imqaddes u xxandru l-Kelma fil-miġemgħa; imma jfisser ukoll li bix-xandir tal-Kelma intom ser tgħinuna nxiddu l-umanità mġedda minn Kristu. Bix-xandir tal-Bxara t-Tajba intom ser twiżnuna biex ħadd minna ma jħossu ddisgrazzjat – biex ma jkun hawn ħadd li jaqta’ jiesu minn xi sitwazzjoni jew marda. Quddiem il-bniedem li kulħadd ikun qata’ qalbu minnu, Alla tant jibqa’ jittama fih li jitqanqal u jurih il-kompassjoni tiegħu – fis-sens li Alla jbati ma’ min qed ibati. Imma biex ikollkom il-qawwa li xxerrdu din l-aħbar, nixtieq li bħar-raġel lebbruż intom stess tagħmlu esperjenza ta’ Alla li jibki magħkom. Ħafna drabi aħna tqal biex nuru ħniena mal-proxxmu għaliex ma nkunux ġarrabna xi tfisser il-ħniena li Alla għandu għalina.

Fid-dawl tal-Kelma, filwaqt li nitlob lill-Ispirtu s-Santu jgħinna nemmnu tassew li l-Vanġelu għandu qawwa li jġib bidla fl-umanità, anki meta din tkun imtebbgħa jew imgħarrqa, nirrakkomandalkom, għeżież letturi, biex tkellmuna dwar min hu Ġesù Krisu – dak li ma jaqta’ qalbu minn ħadd u minn xejn. Inħeġġiġkom biex ħajjitkom tkun xandira kontinwa tal-Kelma salvifika, biex fil-Knisja u fis-soċjetà jkollna umanità mġedda.

pdf · 56.80 KB Niżżel