Aqbeż għall-kontenut

Belt Ġdida għall-Bniedem tal-Lum

Dalgħodu sebaħ jum ġdid u sabiħ, imdawwal mhux biss mix-xemx naturali, imma wkoll minn dawn iż-żewġ Appostli kbar, Pietru u Pawlu: luminarji li d-dawl tagħhom m’għandux għabex. Jgħaddi ż-żmien, u dawn iż-żewġ Appostli jibqgħu jkeċċu d-dlam.

Din hija festa kbira u antikissma fil-Knisja. Diġà fis-seklu tlieta l-Insara f’Ruma kienu jiċċelebraw din is-solennità f’ġieħ dawn iż-żewġ Appostli kolonni tal-Knisja. Hemm raġuni għaliex l-Insara għażlu li jagħmlu din il-festa fid-29 ta’ Ġunju: għaliex Ruma pagana kienet tiċċelebra t-twaqqif tagħha bħala belt minn Romolo u Remo propju fid-29 ta’ Ġunju. Bħalma aħna niċċelebraw it-twaqqif ta’ din il-parroċċa fit-28 ta’ April, hekk Ruma pagana fid-29 ta’ Ġunju kienet tinġabar fis-santwarju ta’ Romolo Quirino, li kien hemm fuq l-għolja tal-Quirinale, u hemm kienet tagħmel il-festa tat-twaqqif tagħha.

Imma fit-tielet seklu, l-Insara fehmu l-bżonn li jkun hemm twaqqif mill-ġdid tal-belt ta’ Ruma. Għalhekk, billi xi għorrief, fosthom San Irinew, Isqof ta’ Lyon, diġà fis-seklu tnejn kienu sejħu lil Pietru u lil Pawlu l-fundaturi tal-belt ta’ Ruma, meta ġew biex iwaqqfu mill-ġdid dik il-belt li kienet qiegħda tinħatt u ssir rovina, l-Insara għażlu li jiddedikaw l-istess ġurnata lil dawn iż-żewġ fundaturi ta’ dik il-belt, li maż-żmien saret ċentru ta’ kultura, tax-xjenza ġuridika u tal-fidi Nisranija, mhux biss għall-Punent imma għad-dinja kollha.

Bir-raġun, għalhekk, il-Papa Ljun il-Kbir, meta jitkellem dwar l-Appostli Pietru u Pawlu, fost affarijiet oħra jgħidilhom: “Intom bnejtu mill-ġdid il-belt ta’ Ruma bix-xandir tal-Vanġelu; bil-messaġġ Kristjan poġġejtu pedament aktar sod minn dak li poġġew il-pagani li bnew il-belt għal Romolo u Remo”. Ljun il-Kbir ikompli jgħid li “kif il-ħitan tal-belt ta’ Ruma pagana ċċappsu bid-demm vjolenti ta’ Remo, li sab ruħu maqtul minn ħuh Romolo, issa l-ħitan ta’ din il-belt antika mwaqqfa mill-ġdid huma maħsula bid-demm ta’ dawn il-martri kbar, Pietru u Pawlu”.

Imma jekk jien qed nagħti ħarsa lejn l-imgħoddi, inkun qed nonqos jekk ma napplikax dan kollu għall-preżent u għall-ġejjieni – mhux għall-belt ta’ Ruma, imma għal beltna, jiġifieri għal pajjiżna. Għaliex inħoss – u dan ngħidu bl-akbar responsabbiltà quddiem Alla u quddiemkom – illi din il-belt tagħna qiegħda tiġġarraf. Din il-belt Kristjana tagħna, li għal sekli ilha tiftaħar bl-Appostlu Pawlu bħala l-Appostlu Missierha u għandha rabtiet qawwijin ma’ Pietru, qiegħda tinħatt. Huwa fatt li r-reliġjon f’pajjiżna mhix sejra ’l quddiem. Fostna l-fidi qiegħda tonqos u hemm diversi fatturi li jistgħu jtellfuha. Hemm dawk li ġejjin minn barra, bħalma huwa s-sekulariżmu illi bil-mod il-mod qed jifgalna l-fidi Kristjana tagħna; imma hemm ukoll ħwejjeġ minn ġewwa l-Knisja li jistgħu jkunu wkoll ta’ tfixkil għall-bniedem tal-fidi! In-nuqqas ta’ koerenza fil-ħajja tagħna, għax ngħidu mod u nagħmlu ieħor; l-iżbalji tal-Insara; l-abbużi f’kull sens tal-kelma li jsiru fil-Knisja u minn nies tal-Knisja, liema abbużi nikkundanna b’mod kategoriku… dawn kollha huma daqqiet bil-buqqun illi qegħdin iġarrfu l-belt Kristjana tagħna.

Għalhekk, fil-kuntest tal-festa ta’ Pietru u Pawlu, dan hu l-appell li nagħmel lilkom u lill-Knisja tagħna f’Għawdex: għandna bżonn nagħmlu t-twaqqif mill-ġdid ta’ beltna, imnebbħin minn dak li kien isuq lil Pietru u lil Pawlu u lill-ewlenin Insara ta’ Ruma. Għaliex jekk nieħu f’idejja l-Ittra li l-Appostlu Pawlu jikteb lin-nies ta’ Ruma, fl-ewwel ftit kapitli nara analiżi mhux biss tal-belt pagana li kienet qiegħda ssir rovina, imma wkoll tal-belt tagħna.

Għax fis-soċjetà tagħna l-ewwel kien hawn il-funeral tar-raġuni! Illum il-bniedem m’għadux jirraġuna: ir-raġuni naqset minn kull sfera tal-ħajja. Xi darba aktar jirraġuna min għandu ftit skola, milli min mar l-università! Kif osserva ħassieb ewlieni tagħna, il-Professur Oliver Friggieri, il-bniedem Malti u Għawdxi jaħseb li jaħseb, imma mhux jaħseb – jiġrilu bħal meta jkun fuq l-ajruplan u jaħseb li qiegħed itir, imma fil-fatt ikun qiegħed bilqiegħda. Qegħdin ngħixu f’illużjoni. Frott tal-kultura tal-imdawlin li għamlet mir-raġuni waħda mid-divinitajiet, illum għandna villipendju tal-intelliġenza!

Fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, dwar in-nies ta’ Ruma, jiġifieri dawk li kellhom bżonn it-twaqqif mill-ġdid ta’ belthom, Pawlu jgħid ċar u tond: “Il-bnedmin iżommu l-verità mjassra għall-inġustizzji” (1:18). Illum x’sar minnha l-verità? Hemm min jitkellem dwar l-eklissi tal-verità. Nistgħu naslu f’qagħda mwiegħra aktar minn din meta ma fadlilniex dawk il-punti fermi li nistgħu nserrħu fuqhom? Minflok il-verità oġġettiva, ħafna saru huma l-għejjun tal-verità, u għalhekk qed ngħixu taħt id-dittatura tar-relattiviżmu li jnissel inċertezza u konfużjoni. Qed ngħixu f’epoka kkaratterizzata minn dik li tissejjaħ “anarkija filosofika”. F’dan il-kuntest il-bnedmin bidlu l-verità ta’ Alla, jiġifieri l-verità oġġettiva, mal-gidba! Huwa fatt magħruf li għal xi wħud li huma konvinti li l-għan jiġġustifika l-mezzi, il-gidba saret għodda faċli biex jilħqu dak li jridu. Din il-manipulazzjoni tal-bniedem tista’ tintuża fuq livell kollettiv. Gwaj għal min jazzarda jitkellem pubblikament dwar x’inhi l-verità, għaliex mhux biss igiddbuh, imma jagħmlu minn kollox biex il-gidba jagħtuha l-istess valur tal-verità. Dan ngħidu b’esperjenza propja.

Dejjem skond San Pawl, meta r-Rumani neħħew il-verità u lil Alla, huma mtlew bil-bluha: “Moħħhom intilef fil-bluha u qalbhom bla dehen iddallmet; waqt li riedu jagħmluha ta’ għorrief, bliehu u bidlu l-glorja ta’ dak Alla li ma jintemmx ma’ sura u xbieha tal-bniedem li jintemm” (1:21-23). Mhux ir-Rumani biss kellhom minn din il-bluha, imma anki aħna għandna!

Wara li għamilna l-funeral tar-raġuni, issa qegħdin nagħmlu l-funeral ta’ Alla. Ma rridux nisimgħu b’Alla! Għal xi wħud Alla miet! Hawn xi wħud li jixtiequ jħassru l-memorja ta’ Alla mill-identità tagħna bħala nazzjon. Imma noqogħdu attenti, għaliex wara li għamilna l-funeral tar-raġuni u l-funeral ta’ Alla, ikun imiss il-funeral tal-bniedem. Għaliex x’jibqagħlu l-bniedem mingħajr raġuni u mingħajr Alla? Dawk li f’isem il-progress qed jgħidu ħwejjeġ bla sens u jġibu ruħhom bħallikieku Alla kien assenti, ma jafux li qegħdin bil-ħabel f’idejhom idoqqu t-trapassar tagħhom infushom u ta’ beltna.

L-eklissi tal-verità u ta’ Alla wasslu għal eklissi tal-valuri morali. Billi l-“jien” sar valur assolut, it-tajjeb u l-ħażin jiddependu mill-aptit jew il-ħtieġa tal-mument. Ħasra li f’din l-atmosfera l-bnedmin bidlu “l-użu naturali fl-użu kontra n-natura” (1:26). Eżempji ta’ dan ma jonqsux. Bl-introduzzjoni tad-divorzju, il-bniedem ħarbat in-natura taż-żwieġ, għax l-indissolubbiltà hija valur taż-żwieġ naturali. L-istess domanda biex relazzjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess tiġi ekwiparata maż-żwieġ tmur kontra n-natura! Anki t-tnissil tal-ħajja għandu jirrispetta l-proċess tan-natura, għax jekk in-natura ma tkunx rispettata, imbagħad il-bniedem ikollu dilemmi etiċi oħra x’jikkonfronta! Għadhom sal-lum jikkritikawni għax bħala Isqof tagħkom nhar id-Duluri kellimtkom dwar dan il-fatt. Dak li għidt dakinhar, intennih illum, anki jekk ġejt akkużat li ma kellix għarfien biżżejjed! Dan ngħidu mhux b’suppervja, imma b’sens ta’ lealtà lejn is-sewwa u lejkom!

Sinjal ieħor li jikkonferma d-dekadenza morali ta’ Ruma kien il-persekuzzjoni lill-Insara – dik il-persekuzzjoni li wasslet biex San Pietru u San Pawl ħadu l-martirju! Ir-Rumani la ħamlu l-vuċi tal-verità u lanqas li l-isem ta’ Kristu jitħabbar f’dik il-belt pagana. Ħasbu li sejrin isikktu s-sewwa, imma għarrielhom. Għaddew tant sekli u għadna niċċelebraw il-festa tal-Appostli Pietru u Pawlu. Anki llum teżisti persekuzzjoni lill-Insara; illum ukoll hemm persekuzzjoni kontra min jipprova jgħid is-sewwa. Tant hu hekk li hemm min jibża’ jafferma ruħu għax jibża’ li jekk jgħid u jagħmel is-sewwa, ikun qed jagħmel suwiċidju soċjali. Kieku mhemmx dan il-periklu, kien ikollna wiċċ sfiq biżżejjed biex ngħidu s-sewwa quddiem kulħadd.

Din kienet Ruma li kellha bżonn tinbena mill-ġdid u din hi beltna li jien nixtieq li nwaqqfu mill-ġdid! F’dan il-kuntest, kif nistgħu nibnu din il-belt il-ġdida li twaqqfet minn Pietru u Pawlu? Is-soluzzjoni hija waħda: billi ngħinu l-bniedem jiskopri l-fidi tiegħu f’Alla, billi jirnexxielna nqajmu s-sens ta’ Alla fil-bniedem, billi nqajmu ’l Kristu fil-kuxjenza tal-bniedem tal-lum! Hawnhekk idawluna San Pietru u San Pawl.

Meta kien quddiem is-Sanhedrin u ħajtu kienet mhedda, San Pietru ma beżax jgħidilhom li Kristu biss huwa l-Feddej: “F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4:12). Aħna m’għandniex din il-fidi, tant li s-salvazzjoni nippruvaw infittxuha f’elementi oħrajn u nagħmlu alleanzi oħra biex mingħalina jkollna ċerti garanziji! Fl-Ewwel Ittra tiegħu, Pietru jikteb lill-Insara li kienu fid-Djaspora u jħeġġiġhom: “Ftakru li intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih biex ixxandru l-glorja ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (2:9). Hemm bżonn li f’waqtu u barra minn waqtu, infakkru lis-soċjetà tagħna li aħna ġens magħżul minn Alla. Pietru jkompli jgħidilhom lill-Insara tad-Djaspora: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom l-għala tat-tama li għandkom” (3:16). Għalhekk il-fidi tagħna trid tkun fidi maħsuba, fidi akkumpanjata mir-riflessjoni, mhux fidejiżmu. Nibża’ li waħda mir-raġunijiet għaliex il-fidi tagħna sejra lura hija propju għax mhix fidi maħsuba kif jitlob Pietru – mhix fidi li għandha l-għeruq fl-għarfien tal-misteru ta’ Kristu.

Għal ħafna l-fidi hi biss aċċettazzjoni ta’ veritajiet ta’ domma, forsi wkoll tagħlim bl-amment tal-katekiżmu. Dik mhix fidi awtentika. Il-fidi hija l-aċċettazzjoni ta’ Ġesù Kristu f’ħajjitna wara li nkunu ssaħħarna għal warajh! Din il-laqgħa tagħna ma’ Kristu trid tapprofondixxi ruħha, u rridu nkunu kapaċi nagħtu raġuni għaliex għandna din il-pożizzjoni u mhux oħra. Lill-Insara Pietru jgħidilhom: “Fittxu li tagħmlu t-tajjeb”. Il-fidi għandha r-rifless fil-ħajja pubblika tagħna, u ma għandux ikun hemm qasma bejn it-twemmin u l-ħajja soċjali tagħna. Anzi, Pietru jkompli jgħid: “Aħjar tbatu għat-tajjeb illi tagħmlu milli għall-ħażin illi tagħmlu”. Kien dan li mbotta ’l quddiem lill-Insara ta’ Ruma biex jagħmlu twaqqif ġdid ta’ belthom!

Jekk naqbdu f’idejna l-epistolarju tal-Appostlu Missierna, insibu li fil-kitba tiegħu hemm vina waħda: il-passjoni għal Kristu. Pawlu jistqarr: “Għalija li ngħix huwa Kristu” u “inqis kollox bħala knis ħdejn li nagħraf lil Ġesù Kristu. Jiena nross ’il quddiem biex naħtaf lil Kristu bħalma Kristu ħataf lili”. Kienu din il-fidi ta’ Pawlu u dan l-entużjażmu tiegħu għal Kristu li mlew bil-kuraġġ lill-Insara ħalli b’wiċċhom minn quddiem ixandru l-Vanġelu u hekk iqiegħdu mill-ġdid il-pedament tal-belt il-ġdida! Għax bħalma jgħid Pawlu, “għal dawk li jemmnu, il-Vanġelu huwa l-qawwa ta’ Alla”!

Nitlob lil Alla, bl-interċessjoni tal-Appostli Pietru u Pawlu, dawk li waqqfu l-belt ġdida ta’ Ruma, jieqaf magħna fl-impenn mhux ħafif li għandna ħalli nwaqqfu belt ġdida li tixraq tassew lill-bniedem tal-lum! Meta qal lil Pietru: “Fuq din il-blata jiena nibni l-knisja tiegħi”, Kristu talab minnu l-fidi! L-istess jista’ jingħad għalina: li Alla qed isejħilna biex “nibnu” il-belt tiegħu fostna l-bnedmin; li jitlob minna huwa l-presuppost tal-fidi! Kif “aħna li għarafna lil Kristu sirna ħolqien ġdid” (2 Kor), hekk, jekk nikbru fil-fidi fi Kristu, nistgħu nibnu beltna mill-ġdid. Nistenna b’ħeġġa Ottubru li ġej, meta l-Knisja tinawgura s-Sena tal-Fidi, biex hekk jinfetaħ beraħ għalina l-bieb tal-fidi, biex mhux biss aħna nistagħnew fil-fidi tagħna, imma nkunu wkoll dawk li bl-għajnuna ta’ Pietru u Pawlu jwaqqfu mill-ġdid soċjetà li tkun tassew ta’ ġid għall-bniedem ta’ kull żmien.

pdf · 77.62 KB Niżżel