Bennejja tad-Dar ta’ Alla
Il-ġrajja marbuta mat-tradizzjoni tal-Madonna ta’ Loreto – li d-dar ta’ Marija ġiet ittrasportata minn Nazareth għal Loreto – tispirani biex illejla nirriflettu ftit fuq il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna, li bħal Marija aħna lkoll bennejja ta’ dar.
Imma intom tafu li hemm mumenti fejn il-bennej jista’ jtella’ ġebla wara l-oħra, bħalma jista’ jkun hemm waqtiet fejn l-istess bennej iħott ġebla wara l-oħra f’binja sħiħa. U jiena llejla nixtieq nara f’kull wieħed u waħda minnkom hawn preżenti, u fikom li qed issegwuna permezz ta’ din it-trasmissjoni, mhux tant bennejja ta’ dar. Meta qed nitkellem fuq dan l-ewwel u qabel kollox tiġini f’moħħi d-dwejra ta’ kull wieħed u waħda minna, id-dar fejn tgħammar il-familja Maltija u Għawdxija. Illum, forsi mingħajr ma taf b’dak li għamilt jew li m’għamiltx, int influwenzajt bħala bennej jew bennejja t-tiswir tad-dar tal-familja.
Imma nixtieq ukoll li nirriflettu fuq id-dar komuni li fiha tgħammar is-soċjetà. Niftakar meta ftit ilu l-isqfijiet tal-Ewropa ħriġna dikjarazzjoni u tkellimna fuq id-dar komuni Ewropea. Aħna wkoll, anki miċ-ċkejken Għawdex tagħna, bl-attività tagħna nistgħu jew nibnu din id-dar komuni jew anki nħottuha. U meta qegħdin nitkellmu fuq din id-dar, sew id-dar tal-familja u sew id-dar komuni li tilqa’ fiha l-popli Ewropej, x’jiġini f’moħħi? Jiġini f’moħħi li hemm żewġ pilastri importanti li fuqhom iserraħ dan il-bini. U llum qrajt artiklu fuq waħda mill-gazzetti tagħna bl-Ingliż – li forsi stajt qrajt inti wkoll – li inkwetani, għaliex jekk naqrawh mingħajr ma nkunu kritiċi għal dak li jingħad, jista’ jkun li jinfluwenzana fin-negattiv, f’din il-ħidma tagħna bħala bennejja ta’ din id-dar.
L-artiklu jitkellem propju fuq dawn iż-żewġ pilastri li fuqhom isserraħ id-dar ta’ Marija, id-dar ta’ Loreto, u li fuqhom suppost li sserraħ id-dar ta’ kull wieħed u waħda minna u d-dar komuni tagħna. X’inhuma dawn iż-żewġ pilastri? L-artikolista tazzarda tgħid li nistgħu ngħaddu mingħajr Alla, u qabdet ma’ sentenza, meħuda barra mill-kuntest, tal-ittra pastorali li wassalnielkom ħmistax ilu, fejn fost l-oħrajn aħna nikkwotaw silta mill-Vanġelu fejn infakkru f’dak li jgħid Kristu: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”. Din l-artikolista tgħid: “Mingħajr Alla tiekol, mingħajr Alla tilbes, mingħajr Alla tgħix; mingħajr flus ma tilbisx, ma tikolx u ma tgħixx”.
U l-konklużjoni ta’ dawn li qed isawru l-fehma tal-poplu tagħna, u forsi tagħkom ukoll, hija din: li nistgħu nibnu dar mingħajr Alla. Għalija din hija dagħwa kbira: jiġifieri li qatt jgħaddilna minn moħħna li aħna nistgħu nibnu l-futur tal-familja tagħna, tas-soċjetà tagħna u tal-Ewropa mingħajr Alla. Jekk il-binja tagħna ma tkunx isserraħ fuq il-blat, imma tkun mibnija fuq ir-ramel, ser jiġu l-irwiefen, jiġu l-gliegel tal-ilma, u jġorruha. U jekk il-binja tal-familja u tas-soċjetà tagħna jidhrilha li tista’ tgħaddi mingħajr Alla, jidhrilha li nistgħu nibnu mingħajr ma nserrħu fuq Alla, allura nistgħu nobsru x’ser ikunu l-konsegwenzi tal-poplu miskin tagħna u tal-familja miskina tagħna.
Għeżież tiegħi, jekk il-bniedem ineħħi lil Alla jasal biex jagħmel kollox. Jekk aħna nibdew nirraġunaw bħallikieku Alla ma jeżistix, allura x’ħin nibdew nitkellmu fuq x’inhi familja u x’inhu żwieġ, x’inhu dak li hu tajjeb u x’inhu ġust, allura mbagħad hawnhekk nintilfu. Altru li hija sentenza żbaljata li naslu biex ngħidu li mingħajr Alla tgħix, li mingħajr Alla ssib x’tiekol u ssib x’tilbes. Mingħajr Alla nieklu lil xulxin, mhux issib x’tiekol! Mingħajr Alla nħarbtu lil xulxin u nieħdu ta’ xulxin, għaliex jekk tneħħi dak li hu ta’ Alla hemm ir-riskju li kollox isir permess. U naħseb li m’hemmx għax immur ’il bogħod, għax anki l-esperjenza tal-ħajja tixhdilna li meta aħna stess, jew nies li nafuhom, azzardaw jibnu mingħajr Alla, kellhom iħallsu prezz.
Allura din hija waħda mill-isfidi li għandha s-soċjetà tagħna. Dan m’hux qed jikteb xi ħadd fl-Ingilterra jew fil-Ġermanja, imma xi ħadd bravu fil-ġurnali tagħna. Kienet hekk id-dar ta’ Marija, id-dar ta’ Loreto? Jew kienet is-santwarju ta’ Alla d-dar ta’ Marija, dik id-dar li Marija bniet f’Loreto? U għax kienet is-santwarju ta’ Alla, Marija setgħet tagħraf x’inhi r-rieda ta’ Alla, setgħet tikkopera u tissieħeb ma’ Alla, biex Alla jsir bniedem, jgħammar fostna, u jifdi lill-bniedem mid-dnub. U din hija l-vokazzjoni tagħna, għeżież tiegħi: li nagħmlu mid-dar tagħna u mis-soċjetà tagħna santwarju fejn Alla jista’ jgħammar, fejn Alla jsir bniedem illum u jdewwaqna lkoll mill-qawwa redentiva tiegħu.
X’inhu t-tieni pilastru li fuqu sserraħ il-binja li qed nibnu jien u int, li qed tibni s-soċjetà? Huwa l-valur tal-ħajja umana. Id-dar hija l-għożża tal-ħajja. Id-dar fil-familja u fis-soċjetà s’issa għadha ssib l-assigurazzjoni li l-ħajja tagħna l-bnedmin issib min jiddefendiha. Illum qegħdin niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, u l-ewwel dritt fundamentali tal-bniedem huwa d-dritt tal-ħajja. Minkejja dan forsi qatt daqs illum il-ħajja m’hi mhedda, bħalma qed jiġri fi żminijietna. Naħseb li lbieraħ segwejtu ftit l-aħbarijiet u kif fi Strasbourg bdiet kawża minn tliet nisa mill-Irlanda, anki jekk waħda ġejja mil-Litwanja. L-Irlanda, bħal pajjiżna, għadha żżomm sħiħ u ma tirrikonoxxix il-legalità tal-abort, jiġifieri li l-qtil tat-trabi jista’ jsir. Dawn it-tliet nisa bdew kawża ħalli l-Qorti Ewropea ta’ Strasbourg tikkundanna lill-Irlanda, għaliex id-drittijiet tal-mara li trid teħles mit-tarbija m’humiex rikonoxxuti. U din l-artikolista li semmejtilkom ftit ilu taqbad ukoll dan l-argument u titkaża bin-nisa Maltin u Għawdxin, għax tgħid li dawn in-nisa m’għandhomx il-kuraġġ u l-ardir li għandhom dawn it-tliet nisa. Biex nuża l-istess frażi tagħha, “għandna noħorġu fil-parapett” u niddefendu d-dritt tal-mara li toqtol il-frott ta’ ġufha. Titkaża u tgħajjar lin-nisa tagħna. Veru l-każ li l-kitla ma tagħrafx li l-qiegħ tagħha huwa mgerrem! U din l-artikolista tkompli tgħid: “Ara fl-Irlanda, għax ma kienx hemm bħal dawn it-tliet nisa, kien hemm sitt elef li marru l-Ingilterra fejn l-abort hu permess bil-liġi. U f’pajjiżna kemm hawn illi jmorru l-Italja, Gatwick jew Heathrow biex jagħmlu l-abort, u jibqgħu siekta u ma jgħidu xejn?”.
Jien ninterpreta dan l-artiklu bħala mod li bih qed tinstiga ħalli anki f’pajjiżna nagħmlu dan il-pass żbaljat, u l-liġi tibda tippermetti l-qtil tal-innoċenti. Għeżież ħuti, din m’hix vuċi solitarja. Hemm vuċijiet oħra bħal din, u din hija konsegwenza tal-ewwel pedament. L-ewwel iċedi l-pedament, kif għidtilkom, u mbagħad iċedi l-pedament favur il-ħajja. Aħna bennejja li nibnu jew bennejja li nħottu? Id-dar ta’ Nazareth hija d-dar li tilqa’ l-ħajja. L-esperjenza li seħħet fid-dar ta’ Nazareth, fid-dar ta’ Loreto, hija l-esperjenza li tista’ u għandha ssir fid-djar u fil-familji tagħna, billi aħna bi spirtu ta’ talb, spirtu ta’ qalbna u widnejna miftuħa għal dak li jista’ jgħidilna Alla, nidħlu f’dak id-djalogu ma’ Alla l-Imbierek ħalli nitolbuh l-għajnuna li għandna bżonn fid-dinja tal-lum; l-ewwelnett biex dawn il-pilastri ta’ Alla u tal-ħajja ma jiġux nieqsa, u t-tieni ħalli, bħalma għamlet Marija, inħallu lil Alla jinqeda bina, u hekk ikun jista’ jwaqqaf l-għamara tiegħu fost il-bnedmin.
L-iva tiegħek, tiegħi u tagħna lkoll bħala bennejja ta’ din id-dar tiddisponina għal Alla, ħalli anki llum iwaqqaf l-għamara tiegħu fost il-bnedmin, u dan mhux biss biex hu jgħammar fina, imma ħalli kull bniedem ikun jista’ jkollu s-serħan tal-moħħ u tal-qalb li ser isib dar fejn jista’ jgħammar Alla u fejn id-drittijiet tiegħu jkunu rrispettati.