Biex is-Soċjetà Sterili Tagħti l-Ħajja
Issa li qed noqorbu lejn il-Milied, inħoss li l-liturġija tal-lum tispirani b’ħafna affarijiet biex jien u intom nifhmu iktar il-valur tal-ġrajja ta’ dalgħodu, jiġifieri l-valur li fil-Knisja jkollna persuni li jħaddnu l-ordni tad-Djakonat.
Soċjetà f’fażi ta’ sterilità
Kemm l-ewwel qari u kemm il-vanġelu fost l-oħrajn ikellmuna fuq esperjenza ta’ żewġ koppji li kienu sterili, jiġifieri li ma kellhomx il-kapaċità li jnisslu l-ħajja. U lili dan iġibli quddiem għajnejja kemm is-soċjetà tal-lum għaddejja minn din il-fażi ta’ sterilità, kemm il-familja wiesgħa tagħna sfortunatament hija sterili; u l-gwaj huwa li ma kinitx sterili. Għandna soċjetà li kienet fekonda u kienet kapaċi tagħti l-ħajja fis-sens strett tal-kelma. Għax anki meta nitkellmu fuq il-ħajja umana qed insiru sterili, u aħna stess lanqas nafu liema problemi qegħdin noħolqu għall-istess soċjetà, frott kemm aħna xħaħ mal-ħajja. Qed nitkellem fuq il-ħajja fis-sens wiesa’ tal-kelma, jiġifieri fuq dak kollu li jolqot lil kull wieħed u waħda minna. Mela jiena nħoss li kellna soċjetà li kienet fekonda, imma għażilna li nitilfu din il-kapaċità li noħolqu u li nagħtu l-ħajja. Għażilna li nkunu xħaħ mall-ħajja, u allura forsi, anki jekk ma wasalniex, ninsabu resqin lejn kundizzjoni ta’ sterilità, u jrid ikun xi intervent qawwi li jroddilna din il-ħila li aħna nagħtu l-ħajja.
Komunità Nisranija f’kundizzjoni ta’ sterilità
Dak li qed ngħid għas-soċjetà sfortunatament ħafna drabi nista’ napplikah ukoll għall-komunità Nisranija. Inħoss li l-Knisja f’pajjiżna riesqa lejn din il-kundizzjoni ta’ sterilità, u dan huwa piż li nġorruh aħna u intom flimkien.
Meta qed ngħid din il-kundizzjoni ta’ sterilità x’qed nifhem? Nagħtikom eżempju wieħed: li dejjem nagħqdu u nduru fuq l-istess argument, jekk hemm argument; li dejjem ma nistgħux noħorġu minn ċirku vizzjuż li dħalna fih. Araw daqsxejn ċerti argumenti li qed isiru fis-soċjetà għandhomx xi prospettiva li ser twassalna biex noħorġu minn dan iċ-ċirku; ngħidu aħna, meta nitkellmu fuq il-familja, fuq l-ekonomija… u llum għandna nies li qed ibatu għaliex m’għandniex ħassieba anki f’dan il-qasam u f’din ix-xjenza.
Ħarsu ftit lejn kif nitkellmu jew jitkellmu f’isimna fuq il-ħajja ċivili u politika tagħna. U tant sirna sterili li, kif qal ħassieb ta’ żmienna li jien għandi stima kbira lejh, il-professur Friggieri, “illum fil-ħajja politika m’għandniex nies li huma profeti”. Din hi l-kundizzjoni ta’ sterilità.
Il-proposta tal-Knisja
X’inhi l-proposta li tagħmel il-Knisja? Hija l-istess proposta li saret lil omm Sansun, lil Żakkarija u lil Eliżabetta, u li naraha li hi valida llum. Aħna nippreżentaw twemmin li jippreżentalna lil Alla, mhux li jrid lill-bniedem jaqdih, imma li huwa għas-servizz tal-bniedem, Alla li jiddisponi ruħu biex jaqdi lill-bniedem. Nibdew anki mill-istorja tal-ħolqien, fejn Alla jagħti l-ħajja lill-bniedem u jagħtih l-istrumenti biex din il-ħajja jgħixha b’mod dinjituż, fil-milja tagħha; u naslu sal-mument tal-Kalvarju, fejn Alla, fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, l-Iben tiegħu, mhux biss jagħtina l-ħajja, imma jagħti ħajtu biex aħna jkollna l-ħajja, biex aħna ngħixu.
Fil-familja ta’ Sansun u ta’ Ġwanni l-Battista, b’intervent tiegħu, Alla nissel il-ħajja, u lil dak il-ġuf mejjet tah il-kapaċità li jilqa’ fih il-ħajja u jkun hemm il-ġestazzjoni biex inissel il-ħajja. Fi kliem ieħor kien qed jgħidilna dak li nsibu fil-profeta Isaija: “Id-deżert, li huwa xagħri u bla ħajja, Alla huwa kapaċi jnissel fih qawwa li jwarrad u li jagħti l-ħajja”. U dak li seħħ fi ħdan dawn iż-żewġ nisa li jsemmilna l-qari tal-lum. Jiena nemmen li dan Alla, li qiegħed għas-servizz tal-bniedem, jekk niftħulu qalbna jagħtina din il-kapaċità li nirbħu din l-isterilità.
Il-missjoni tal-anġlu ta’ Alla
Fejn nara, allura, il-missjoni tiegħek, Fra Stephen, li minn hawn u ftit ieħor ser tirċievi l-ordni tad-Djakonat? Luqa jitkellem fuq l-anġlu Gabrijel. Fl-Iskrittura, kif jgħid is-salm 130, l-anġli huma l-qaddejja ta’ Alla; u int, bid-Djakonat tiegħek, kif tgħid l-istess kelma tal-uffiċċju u tal-ordni tiegħek, ser tkun ipprofessat bħala qaddej ta’ Alla għall-ġid tal-bnedmin, bħalma huma l-anġli tiegħu.
U x’kien is-servizz u l-qadi li l-anġlu ta lil Eliżabetta u lil Żakkarija? Forsi tgħiduli li ġabilhom l-aħbar li Eliżabetta ser tnissel, u allura ġabilhom l-aħbar tat-twelid tal-Battista. Imma jien ngħidlek biex taqra ftit x’jgħid il-Vanġelu fuq min huwa l-Battista, għaliex int u l-Knisja m’għandniex il-ħila li nnisslu l-ħajja fiżika, imma nistgħu nwasslu dak il-messaġġ li ġab il-Battista biex ikollna ħajja ġdida. X’jgħidlu l-ewwel u qabel kollox l-anġlu-qaddej ta’ Alla lil Żakkarija? Jgħidlu li t-twelid tal-Battista ser iġib ferħ kbir u ser iwassal l-hena: “It-twelid tiegħu ser ikun kawża ta’ ferħ u jhenni lil ħafna nies”.
Għeżież tiegħi, għiduli ftit intom, li tgħixu minkeb ma’ minkeb, u allura forsi tafu l-ħajja u l-istorja tal-poplu tagħna iktar minn kif tiġi ppreżentata minn min għandu jagħtina stampa ċara ta’ x’inhi r-realtà, jekk in-nies tagħna humiex ferħanin. U meta ngħid in-nies tagħna nifhem aħna wkoll. Għiduli jekk il-ħajja hix qed issir tant tqila li tlifna l-ferħ, tlifna dak il-motiv li jimbuttana ’l quddiem fil-ħajja tagħna. Jiena għandi esperjenzi x’nirrakontalkom, ta’ individwi u familji li serqulhom il-ferħ u tilfu l-ferħ.
Il-“perfecta lætitia”
Allura, għażiż djaknu, bis-servizz u l-preżenza tiegħek kun ta’ stimolu għall-komunità Nisranija, biex terġa’ tkebbes il-ferħ fil-bniedem tal-lum; mhux il-ferħ li tagħtina d-dinja, imma dak il-ferħ li jitkellem fuqu Missierek San Franġisk: il-“perfecta lætitia”, dak il-ferħ perfett li għandna mfisser f’dak id-djalogu sabiħ li għandu ma’ Fra Leone, fejn San Franġisk jgħid: “Jekk l-għorrief kollha ta’ Pariġi jkollhom jidħlu fl-ordni tagħna, dak m’hux il-ferħ veru. Jekk is-sultan ta’ Franza u s-sultan tal-Ingilterra wkoll jidħlu fl-ordni tagħna, dak m’hux il-ferħ veru. Jekk ikollna l-ħila li nfejqu, dak m’hux il-ferħ veru. Jekk aħna nippriedkaw u n-nies kollha jagħtu widen għall-kelma tagħna, dak m’hux il-ferħ veru”. U Fra Leone jgħidlu: “Mela x’inhi l-‘perfecta lætitia’?”. San Franġisk, iktar milli bil-kliem, jirrakkonta l-esperjenza tiegħu fuq x’inhu l-ferħ tiegħu, meta għall-imħabba ta’ Kristu ma jiġix aċċettat minn ħaddieħor: il-“perfecta lætitia” li tinsab ukoll fid-dimensjoni tas-salib fil-ħajja tal-bniedem. M’hix lezzjoni ħafifa, imma m’hemm l-ebda mediċina li tfejjaq li m’hix ukoll morra, u forsi għalhekk ukoll qegħdin fejn qegħdin, għaliex drajna wisq ngħixu bi stil ta’ ħajja li jipprova jbarri dak kollu li huwa bis-sens imma huwa ftit tqil.
Id-djaknu jgħin lill-bniedem jerġa’ jsib it-Triq
X’jgħid iktar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista? Il-qaddej ta’ Alla u d-djaknu ta’ Alla, l-anġlu jgħid lil Żakkarija: “Dan ser jerġa’ jħabbeb u jreġġa’ lura ħafna għand Alla”. Għeżież tiegħi, din hija wkoll il-proposta li għandha tagħmel il-komunità Nisranija lis-soċjetà tagħna, biex lill-bnedmin ngħinuhom jerġgħu jsibu t-triq lura għand Alla veru, għax hemm min mingħalih qiegħed jagħti glorja lil Alla, imma qed isallab lil Alla. Bħalma għamel Ġwanni l-Battista, hekk ukoll int, djaknu, u aħna bħala Knisja, għandna nħossu dan il-ferħ li Alla l-Imbierek jafdalna f’din il-missjoni, li nkunu xandara tal-Bxara t-tajba. Għażiż Stephen, inti ser ikollok il-mandat li mhux biss ixxandar il-Vanġelu, imma tgħin lis-saċerdot ifisser il-Kelma ta’ Alla. U anki hawnhekk jiena nirrikmandalek biex tixħet il-ħarsa tiegħek fuq Missierek San Franġisk, u jalla jkollok fik dak l-ispirtu ta’ evanġelizzazzjoni u l-ispirtu missjunarju li kellu San Franġisk. Meta qed ngħid missjunarju ma nifhimx biss it-tħabbir tal-Bxara t-tajba f’dawk t-territorji li tradizzjonalment nafuhom bħala artijiet tal-missjoni, imma nifhem ukoll, jekk mhux l-art tagħna, imma l-art qrib tagħna, il-kontinent li qed ngħixu fih; għax jiena nħoss li din l-Ewropa tagħna għandha bżonn li Alla jqajjem fiha Benedittu ġdid u Franġisku ġdid, li bix-xandir tal-Kelma jreġġgħu l-ħafna lejn Alla. U inti tipparteċipa, bħalma nipparteċipaw aħna wkoll, f’din il-missjoni, għażiż Fra Stephen.
Imma mbagħad ikompli jgħidlu l-anġlu Gabrijel lil Żakkarija: “Dan ser ireġġa’ lura l-missirijiet lejn l-ulied”. U allura hawnhekk mhux biss wieħed jitkellem fuq id-dimensjoni soċjali tal-Bxara t-tajba, fuq kif il-Bxara t-tajba treġġa’ l-missier lejn l-ulied u l-ulied lejn il-missier, li sfortunatament, għalkemm hija rabta naturali, illum ukoll qed tiġi ttraskurata u ssagrifikata. Imma jien naraha f’sens iktar wiesa’: li nressqu lill-bniedem lejn il-bniedem. Hija l-missjoni tagħna li noħolqu iktar djalogu mad-dinja ta’ madwarna, u meta ngħid djalogu ma nifhimx biss ma’ ċerta kategorija ta’ nies li jaqsmu l-istess twemmin tagħna u li għandhom l-istess fehmiet tagħna, imma djalogu ma’ kulħadd mingħajr l-ebda restrizzjoni, f’kull sfera, f’kull aspett u f’kull dimensjoni tal-ħajja. Imma nifhem ukoll dak li qed jgħid Luqa: li hemm bżonn nerġgħu norbtu r-relazzjoni bejn il-missier u l-ulied anki fil-kuntest tal-komunità Nisranija, biex nassiguraw li jkun hemm it-tradizzjoni u l-passaġġ tal-patrimonju tat-twemmin tagħna.
Għeżież ġenituri, jiena wisq nibża’ li llum il-missirijiet u magħhom l-ommijiet ittraskuraw din ir-responsabbiltà li jgħaddu lil uliedhom il-patrimonju tal-veritajiet tat-twemmin tagħna. Iddelegajna wisq lil ħaddieħor. Iddelegajna lill-iskejjel tagħna, u jiena ma nafx hawnhekk fejn aħna qegħdin. Iddelegajna liċ-ċentri tal-katekiżmu, għal min jemmen fiċ-ċentri tal-katekiżmu, għax hemm min jarahom żejda dawn. Imma l-ewwel katekist u l-ewwel evanġelizzatur huwa propju l-ġenitur, li jrid ireġġa’ lura l-ulied ħalli jgħaddilhom dan it-twemmin u dan il-ġid kollu, biex hekk jiggarantixxi wkoll li l-ħajja ta’ wliedu tibqa’ sħiħa u ma tiġix mhedda minn diversi affarijiet li hawn fostna.