Ċiviltà tal-Imħabba
Is-seklu tal-kunflitt bejn iċ-ċiviltajiet
Awtur kontemporanju, Huntington, għandu ktieb interessanti fuq iċ-ċiviltà ta’ żmienna, fejn jgħid li jekk is-seklu dsatax jibqa’ magħruf għall-gwerer li kien hemm bejn in-nazzjonijiet, u jekk is-seklu għoxrin nirriferu għalih bħala dak iż-żmien li fih kien hemm il-gwerer imma din id-darba bejn l-ideoloġiji, is-seklu tagħna huwa mmarkat bil-kunflitt li hemm bejn iċ-ċiviltajiet. Forsi l-gwerer tal-kanuni u l-kunflitti ideoloġiċi huma ’l bogħod minn xtutna, imma ma nistgħux ngħidu li l-kunflitt li għaddejja minnu ċ-ċiviltà, anki dik tagħna, m’huwiex verità. U dan għandu jħassibna, biex ma ngħidx jinkwetana, għaliex meta nitkellmu fuq ċiviltà qegħdin nitkellmu fuq il-ħajja tagħna, il-valuri li qegħdin nippruvaw ngħixu, il-patrimonju li aħna rċivejna u naħseb li rridu nħallu lil ta’ warajna.
Ċiviltà Ewropea li hija ċiviltà Kristjana
F’dan il-kuntest jien dalgħodu rrid nistaqsi fuq x’qed jiġri miċ-ċiviltà tagħna. Iċ-ċiviltà tagħna hija marbuta ma’ dik Ewropea, u kienu l-fundaturi ta’ din l-istituzzjoni Ewropea – De Gasperi, Schuman, Adenauer – li ħarġu bl-idea li jkun hemm l-għaqda bejn in-nazzjonijiet Ewropej. Jekk aħna naqraw x’kien l-iskop tagħhom insibu ċar u tond li huma ħadu din l-inizjattiva biex iħarsu ċ-ċiviltà Ewropea, li hija ċiviltà Kristjana. De Gasperi jgħid li l-Kristjanità hija r-ruħ ta’ din iċ-ċiviltà.
Imma ma jidhrilkomx li qegħdin nitbiegħdu u nitbiegħdu sewwa minn dan l-ideal, u li din il-komunità flok ma qed tagħraf l-għeruq Kristjani tagħha qed iċċedi? Veru li llum l-Ewropa – u meta qed ngħid l-Ewropa qed ngħid Malta u Għawdex – m’għadhiex dik li kienet, għaliex hemm diversi gruppi etniċi u reliġjonijiet, imma li huwa aktar serju hu li l-istess Ewropej illum iżżewġu lil ċerti ideali, partikularment lil dak li jissejjaħ il-liberaliżmu. F’isem it-tolleranza u d-demokrazija, imma fl-estremità ta’ dawn il-kunċetti, il-bniedem illum irid ikun liberali; u minnu nnifsu l-liberaliżmu jeskludi r-reliġjon, anzi jeskludi l-Kristjanità. Il-liberaliżmu jistqarr ir-rifjut ta’ dak li huwa divin u sagru.
Il-liberaliżmu u ċ-ċaħda ta’ dak li huwa Kristjan
Għeżież tiegħi, ma naħsibx li rridu nagħmlu eżerċizzju tqil tal-memorja biex naraw kif dan il-ħsieb liberali bil-mod il-mod qiegħed ineżża’ ċ-ċiviltà Ewropea minn dak li huwa Kristjan, u allura qegħdin naraw dan il-kunflitt tas-soċjetajiet. Għandna politiċi, leġislaturi, xjenzati, ħassieba u filosfi, nies tal-kultura li għalkemm twieldu f’din il-benniena taċ-ċiviltà Kristjana llum għandhom allerġija għal dak li huwa Kristjan. Huma jistħu jistqarru pubblikament li għandhom twemmin Kristjan jew ta’ ispirazzjoni Kristjana. Sfortunatament m’hemmx wisa’ għal min jazzarda jistqarr, anki fil-ħajja privata tiegħu, it-twemmin Kristjan, u dan filwaqt li aħna nistqarru li aħna tolleranti, demokratiċi u li għandna l-pluraliżmu.
Ħarsu ftit lejn kif qegħdin nitkellmu fuq il-bniedem illum, fuq il-bniedem sħiħ li mhux biss huwa ġisem imma għandu wkoll ruħ u dimensjoni spiritwali. Illum għaddejja kampanja ħalli dak li huwa reliġjuż jitqiegħed fil-privat u ma jkollux manifestazzjoni pubblika. Ħarsu ftit lejn kif qed nitkellmu fuq il-ħajja umana, għaliex meta s-soċjetà tinfatam minn Alla tasal biex timmanipula wkoll il-ħajja tal-bniedem. Ħarsu ftit lejn kif illum qed nitkellmu fuq iż-żwieġ u l-familja u kif qegħdin ngħixu fi żmien fejn noqogħdu attenti biex inkunu “politically correct”, ħalli ma nnaffrux lil min għandu xi ħsieb ieħor fuq iż-żwieġ u l-familja, u allura nagħżlu li nagħmlu nofs diskors; dan huwa iktar gravi milli kieku tkun qed tgħid gidba. Għeżież tiegħi, minn dan għaddejja ċ-ċiviltà Ewropea, li hija wkoll iċ-ċiviltà tagħna.
L-impenn tal-Kristjan fil-proċess ta’ rivoluzzjoni tas-soċjetà
Illum, meta qed niċċelebraw din il-festa tal-Bambina, jien nara li Marija tispirani fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna, anzi x’għandu jkun l-impenn tagħna llum f’dan il-proċess ta’ rivoluzzjoni tas-soċjetà. Kif tispirani l-Bambina? L-ewwel nett meta Alla ħalaq lil Marija huwa ħalaqha mingħajr l-ebda tebgħa ta’ dnub. Huwa ried li hi tkun ħielsa minn kull tikmixa. Illum qegħdin niċċelebraw it-twelid ta’ Marija, u f’din it-tarbija aħna nilmħu dan il-kapulavur ta’ ħolqien ġdid, mhux biss fit-tarbija ta’ Ġwakkin u Anna, mhux biss fil-Bambina, imma f’dak li jagħmel Alla mal-Bambina u li jixtieq jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna, jixtieq jagħmlu mal-umanità kollha. Alla jixtieq u jrid jgħin lill-bniedem ħalli jitwieled mill-ġdid, ħalli jkun hemm riġenerazzjoni tal-bniedem illum u ta’ ċiviltà ġdida.
Marija tinawgura u tagħti bidu għal ċiviltà ġdida
U jiena nistaqsi dalgħodu: Aħna li nagħmlu din il-festa b’tant solennità, mhux biss f’din il-parroċċa tax-Xagħra imma f’pajjiżna, u meta l-poplu tagħna qed jitfa’ għajnejh fuq l-istatwa artistika ta’ Marija Bambina, qed jirnexxilna nistaqsu fuq x’inhu jgħidilna Alla llum f’dan il-kuntest ta’ kunflitt ta’ ċiviltajiet? Qegħdin nagħrfu l-ewwel u qabel kollox nitwieldu mill-ġdid, nippruvaw neħilsu minn dak kollu li huwa tikmix u tebgħa ta’ dnub, u ngħinu lis-soċjetà tagħna ħalli jkollha dan il-bidu ġdid u din l-era ġdida?
U kif ikun hemm dan il-bidu ġdid? It-tweġiba hija wkoll marbuta ma’ Marija Bambina, kif inkantaw fl-antifona sabiħa ta’ din il-parroċċa: “Nativitas tua Dei Genitrix Virgo”. Aħna nagħmlu festa lil Marija Bambina propju minħabba r-rabta tagħha ma’ Kristu. Marija tinawgura u tagħti bidu għal din iċ-ċiviltà ġdida, għal din l-era ġdida. M’hix hi iżda l-frott tal-ġuf tagħha, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Iva, Kristu, Iben Alla u iben Marija, jitwieled fostna ħalli jagħti bidu għal din l-umanità u ċ-ċiviltà ġdida. U aħna li aħna dixxipli tal-Mulej u tant entużjasti biex niċċelebraw lill-Mulej ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem din il-proposta li qed jagħmlilna Kristu, biex ikollna smewwiet ġodda u art ġdida, biex ikollna din iċ-ċiviltà li tassew tixraq lil kull bniedem.
L-Assedju l-Kbir u l-intervent ta’ Alla u ta’ Marija Bambina – It-theddida tal-Islam
U jiena rrid insemmilkom żewġ eżempji li għandhom iħassbuna fin-nisġa ta’ din iċ-ċiviltà; żewġ eżempji li tispirani fuqhom il-Bambina, għaliex aħna lill-Bambina nsejħulha s-Sultana tal-Vittorji. Għaliex? Għax iċ-ċiviltà tagħna sal-lum għadha tiftakar, tgħożż u tiċċelebra ġrajjiet fl-istorja minsuġin mal-istorja ta’ Alla. F’din l-istorja ta’ ġensna, jekk immorru lura għall-Assedju l-Kbir tal-1565, aħna ksibna bl-intervent ta’ Alla u ta’ Marija Bambina r-rebħa fuq it-Torok, il-Mislem.
L-Islam u l-libertà tal-kuxjenza
Jiena ngħid li dik ma kinitx biss rebħa għall-gżejjer Maltin u Għawdxin imma għall-Ewropa kollha, ħalli l-Mislem ma jibqax javvanza u allura jkun hemm dak il-kunflitt bejn iċ-ċiviltajiet. Il-Mislem f’pajjiżna mhux biss ried jagħmel rebħa politika imma rebħa reliġjuża. U jiena ngħid li dan il-kunflitt ma waqafx fis-sena 1565, għaliex l-Islam huwa realtà, huwa reliġjon kbira, u jemmen li jrid ikompli javvanza anki fl-Ewropa. Huwa fatt li, kif jgħid professur Dumnikan li huwa espert fl-istorja tal-Islam u l-Kristjaniżmu, l-Islam huwa waħda mill-forzi morali tajba li għandna fid-dinja. Huwa veru li l-Misilmin, talinqas fil-parti l-kbira tagħhom, jippruvaw josservaw dak li jgħid Allah. Huwa veru li l-Musulmani huma ġenerużi u jagħrfu jgħixu l-mumenti tqal tat-tbatija. Huwa veru li l-Misilmin isellmu lil Mirjam, omm Ġesù. Imma dan ifisser li aħna għandna nagħlqu għajnejna għall-preżenza Musulmana?
Illum fl-Ewropa, u anki f’pajjiżna, għandna preżenza ta’ Musulmani. Ħalli ninftiehem tajjeb, jien m’inix ngħid li għandu jkun hemm xi xorta ta’ persekuzzjoni ma’ ħutna l-Misilmin. Ma ninsewx li l-Ewropej għamilna avvanzi ’l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-libertà reliġjuża u d-dritt għal-libertà tal-kuxjenza, imma b’daqshekk ma jfissirx li aħna għandna nagħlqu għajnejna għal ċerti gruppi Islamiċi li jemmnu fil-vjolenza u li ma jittollerawx li jkun hemm preżenza ta’ xi din jew twemmin ieħor.
L-Islam u l-libertà reliġjuża
Veru li aħna fl-Ewropa, anki f’pajjiżna, għax nagħrfu d-dritt tal-libertà reliġjuża nagħtu wisa’ ħalli jkun hemm il-kult tar-reliġjon Islamika, imma din il-ħaġa f’pajjiżi Islamiċi m’hix irreċiprokata għal reliġjonijiet oħrajn u anki għall-Kristjani. Hemm diversi differenzi essenzjali, għax filwaqt li r-reliġjon Kristjana hija mibnija fuq l-imħabba, kif jgħid Blaise Pascal, Kristu għax iħobb imut imma Muhammed joqtol! Għax huwa twemmin ukoll fl-Islam li m’hemmx tolleranza għal min m’hux lest iħaddan it-twemmin Islamiku.
Għeżież tiegħi, qed ngħid dan għax anki llum f’pajjiżna għandna preżenza tal-komunità Islamika. Ma’ dawn għandna nibnu rapporti u djalogu, kif qal il-Papa meta kien kemm f’Ratisbona u kemm fit-Turkija. Imma rridu noqogħdu attenti aħna biex id-dritt tal-libertà reliġjuża jkun magħruf minn kulħadd, biex id-drittijiet tan-nisa u tal-gruppi jkunu tassew magħrufa, biex ma jkunx hemm tħaddim tal-vjolenza ħalli jkun hemm espansjoni tar-reliġjon.
Għalhekk anki llum, meta ċ-ċiviltà tagħna qed titħallat maċ-ċiviltà Islamika, jien nitlob lill-Verġni Mbierka ħalli kif fl-imgħoddi għenet liċ-ċiviltà tagħna tkun meħlusa minn taħlit m’hux f’postu tal-Islam anki llum aħna ma mmorrux nagħmlu dak l-iżball li f’isem it-tolleranza naslu biex ma narawx differenza bejn twemmin u ieħor.
It-theddida tan-Nażiżmu
Il-Verġni Mbierka Marija tispirani fuq realtà oħra li hija preżenti u hi theddida għaċ-ċiviltà tagħna. Fl-aħħar gwerra dinjija, propju fit-8 ta’ Settembru, l-Italja irtirat mill-gwerra, u hemmhekk rajna fix-xefaq it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija u bdiet miexja lura l-irtirata tan-Nażiżmu. Għeżież tiegħi, jien nibża’ li r-razziżmu għandu l-ispirtu tiegħu preżenti fostna. Nagħtikom żewġ eżempji.
In-Nażiżmu u l-ġens pur
In-Nażiżmu kien jemmen fil-ġens pur, u allura ried inaddaf lir-razza “pura” minn dak li kien maħmuġ u dgħajjef. Ilkoll niftakru – u hemm bżonn li ma ninsewx – il-persekuzzjoni li ġarrbu ħutna l-Lhud fil-kampijiet tal-konċentrament. Lanqas jingħaddu dawk li ġew maqtula. Dan għaliex in-Nażiżmu kellu din il-fantasija li hemm bżonn ikollna razza pura u allura rewwaħ għal dak li huwa razziżmu. Ma jidhrilkomx li anki fostna qed jerfa’ rasu r-razziżmu? Għandi f’moħħi n-nies li jaslu fi xtutna bid-dgħajjes. Xi ħadd beżżagħna u qal: “Oqogħdu attenti, għax dawn huma Islamiċi”, u allura rabatha mal-ewwel punt li għamilt. Barra li kif diġà għidt l-Islamiċi m’humiex bil-qrun, huwa fatt li bosta minn dawn l-emigranti huma Kristjani, imma jien ngħid li għal xi raġuni jew oħra huwa l-egoiżmu tagħna li qed jgħidilna biex insabbtu l-bieb f’wiċċ dawn il-vittmi. Dawn huma vittmi.
Għeżież tiegħi, jekk irridu nkomplu nħarsu ċ-ċiviltà tagħna, li fost l-oħrajn hija mżejna bl-ospitalità u l-ġenerożità li hija msemmija fl-Atti tal-Appostli, ma nistgħux nagħtu daharna lil dawn ħutna u nagħlqu għajnejna quddiem din it-traġedja umana. Veru li aħna ma nistgħux nerfgħu aktar milli nifilħu, imma veru wkoll li s-soluzzjoni m’hix li aħna nittraskurawhom, imma li naraw x’nistgħu nagħmlu anki f’oqsma internazzjonali, għax qed isir ħafna paroli imma ftit azzjoni! Jiena naħseb li n-Nażiżmu mhux biss kien razzista imma kien jazzarda jilgħab bil-ħajja umana, tant li nafu kemm kienet issir esperimentazzjoni fuq in-nies u l-Lhud.
In-Nażiżmu u l-esperimentazzjoni umana
Għeżież tiegħi, l-esperimentazzjoni fuq il-bniedem mhux biss kien jagħmilha n-Nażiżmu imma jagħmilha wkoll l-Ewropew, jagħmilha wkoll il-Malti u l-Għawdxi, u donnu hemm stennija biex din l-esperimentazzjoni tkun imbierka b’xi mod legali. Ma nistgħux aħna quddiem ċerti ħtiġijiet tal-bniedem, sew biex ikollu l-ħajja u sew biex ifittex mezzi terapewtiċi għall-ħajja, nissagrifikaw il-ħajja ta’ ħaddieħor. Qed nitkellem fuq dik li tissejjaħ inġinerija ġenetika, fuq il-prattika li npoġġu fil-friża ċerti affarijiet umani ħalli mbagħad nużawhom meta jidhrilna u jfettlilna. Aħna naraw l-istorja tal-Gwerra u dik tbeżżagħna, imma mhux anqas għandu jbeżżagħna dan.
Marija Bambina u l-istorja ta’ ġensna
Anki llum jien insejjaħ lil Marija Bambina, u hekk irridu nagħmlu fil-festi tagħna jekk irridu li jkun fihom sens, għax inkella nintilfu. Insejjaħ lil Marija Bambina ħalli hi tgħinna u tispirana ħalli nkunu bnedmin ġodda. Insejħu lil Marija Bambina ħalli anki llum hija tindaħal fl-istorja ta’ ġensna, kif għamlet fl-imgħoddi, biex tgħinna ħalli niġġeneraw ċiviltà Kristjana. B’liema mod?
Ċiviltà ta’ mħabba
It-tweġiba jagħtihielna l-Papa Pawlu VI, illi fil-maġisteru sabiħ tiegħu juża frażi li baqgħet idjomatika: “Hemm bżonn ta’ ċiviltà tal-imħabba”. Pawlu VI jgħid li huwa veru li llum is-soċjetà għamlet passi ’l quddiem f’dak li huwa għarfien tad-drittijiet tal-bniedem u li għandha mekkaniżmi legali internazzjonali u lokali li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, imma l-legalità waħidha m’hix biżżejjed jekk tkun miftuma mill-karità u mill-imħabba. Għaliex? Għax f’isem il-liġi jsiru l-inġustizzji u f’isem il-liġi, kif għidtilkom fl-ittra pastorali li wassaltilkom fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija, jistgħu jsiru d-diskriminazzjonijiet u jkun hemm il-korruzzjoni.
Allura Pawlu VI jgħid li anki l-kultura legali tagħna trid tiġi mgħammda biċ-ċiviltà tal-imħabba. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ikompli jibni fuq dak li qal Pawlu VI u jgħid li qed ngħixu f’soċjetà fejn għandna sens qawwi ta’ inċiviltà, il-kontra ta’ ċiviltà. Ħarsu ftit lejn l-individwaliżmu jinten li għandna fostna. Ħarsu ftit lejn il-mentalità utilitarista li għandna fostna. Ħarsu ftit u taraw in-nazzjonaliżmu esaġerat li qed jerfa’ rasu.
Il-Kristjan fid-dmir li jippriedka ċ-ċiviltà tal-imħabba
Għeżież tiegħi, il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid li quddiem din il-kultura l-Knisja u kull Kristjan għandu jħossu li għandu mandat li jippriedka u jxandar iċ-ċiviltà tal-imħabba, ħalli nistgħu neħduha kontra dawn l-iżbalji li jmorru kontra l-ħajja umana. Tiftakru wkoll x’qal il-Papa Benedittu XVI fl-ewwel enċiklika li tana, Deus caritas est: Alla huwa mħabba, għax hija l-imħabba ċ-ċavetta Kristjana li tista’ ddakkar iċ-ċiviltà tal-mewt li hemm madwarna. Allura huwa f’dan il-kuntest li jiena nagħmel talba lil Marija Bambina… f’kuntest fejn kif għidna ċ-ċiviltà Kristjana tagħna kull ma jmur qed tiġi mhedda, f’kuntest fejn iċ-ċiviltà tagħna qiegħda wkoll titħallat ma’ ċiviltajiet oħrajn, u allura hemm ir-riskju li nitilfu dak li huwa tagħna; jien nitlob lil Marija Bambina ħalli fuq l-eżempju tagħha aħna llum nemmnu li l-grazzja ta’ Alla tista’ toħloq minn kull wieħed u waħda minna bnedmin ġodda. Nitolbu lill-Ispirtu ta’ Alla ħalli jsawwab fina l-karità u l-imħabba tiegħu biex fuq dawk l-iżbalji gravi li seħħew fl-imgħoddi, imma jistgħu qed isiru wkoll fi żmienna, bl-għajnuna tal-Verġni Marija Bambina aħna nagħmlu wkoll il-vittorja definittiva.