Aqbeż għall-kontenut

Damma ta’ Salvazzjoni

Din il-wirja tirrakkonta l-istorja; id-diversi oġġetti esebiti fiha jgħinuna naqraw mhux biss l-istorja ta’ dan is-Seminarju li ilu mwaqqaf mija u ħamsin sena, imma wkoll l-istorja tal-Knisja f’Għawdex, l-istorja tad-Djoċesi, l-istorja ta’ dan ir-reġjun, l-istorja ta’ mijiet ta’ persuni li ngħataw il-formazzjoni f’din l-istituzzjoni u saru saċerdoti, kif ukoll l-istorja ta’ tant u tant persuni, familji, komunitajiet, assoċjazzjonijiet li kienu akkumpanjati mis-saċerdoti li ħarġu minn dan is-Seminarju.

Jien ninsab konvint li ma humiex ftit dawk l-istejjer ta’ individwi, familji u komunitajiet illi, waqt li kienet qed tintiseġ ħajjithom, l-istorja tagħhom kieku setgħet ħadet direzzjoni differenti, ħafna drabi għall-agħar. Fil-fatt min jista’ jgħid kemm persuni sabu ruħhom f’salib it-toroq, u li ma kienx għal dak is-saċerdot li kien qribhom biex iserrħu fuq spallejh jew li bil-kelma tiegħu f’widnejhom wettaqhom u farraġhom, kieku l-istorja tagħhom kienet tinkiteb mod ieħor!

Għalkemm il-wirja tgħidilna l-istorja tal-bieraħ, dan is-Seminarju ser ikompli jilqa’ u jifforma aktar żgħażagħ li ’l quddiem ikunu saċerdoti li bħal ta’ qabilhom ikunu preżenti fil-ħajja ta’ ġensna biex jgħinuna nkomplu niktbu l-istorja. Għax din hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti: kif Kristu wassal biex diversi persuni bdew jiktbu kapitlu ġdid fl-istorja ta’ ħajjithom, hekk is-saċerdot huwa dak li bil-ministeru tiegħu jgħin lill-bniedem jikteb l-istorja tiegħu fuq linji dritti. Aħna s-saċerdoti, filwaqt li nimxu magħkom fit-triq tal-ħajja, noffrulkom gwida biex tfasslu l-ħajja tagħkom skont ir-rieda ta’ Alla. Għax fil-kuntest tal-fidi, l-istorja tagħna mhix biss damma ta’ ġrajjiet jew kronoloġija, imma hija “storja tas-salvazzjoni”, fis-sens li hija storja li tinseġ flimkien il-pjan tal-bniedem mal-pjan ta’ Alla, l-azzjoni tal-bniedem mal-azzjoni ta’ Alla.  Din hija l-istorja glorjuża tal-Knisja.

Kif smajna, sfortunatament diversi oġġetti li jagħmlu parti mill-patrimonju storiku ta’ dan is-Seminarju għebu għax weħlu ma’ xi jdejn. Għalhekk, qabel nagħlaq inħossni fid-dmir li bħala Isqof ta’ din il-Knisja nagħmel appell lil dawk li għandhom dokumenti, mużika u affarijiet oħra li huma proprjetà tas-Seminarju djoċesan, anki jekk dawn waslu għandhom b’wirt, biex irodduhom lura.

pdf · 45.60 KB Niżżel