Edukaturi bħal Kristu
Kemm hemm ħwejjeġ fil-ħajja persunali li niskopruhom bl-għajnuna tal-oħrajn! Kemm hemm affarijiet li ma kontx kapaċi narahom u xi ħadd qalli bihom u llum napprezzahom! Kemm hemm ħsejjes melodjużi li xi darba ma kontx napprezza u xi ħadd għinni napprezzahom! Kemm hemm valuri li la jidhru u lanqas nismagħhom imma jagħmlu parti mill-ħajja tiegħi, għax xi ħadd għinni niskoprihom! U naħseb li dak li seħħ miegħi seħħ ma’ kull wieħed u ma’ kull waħda minnkom.
Kristu edukatur
Meta llum jiena nkompli nirrifletti fuq il-vanġelu li tħabbrilna jolqotni l-fatt li Kristu mar iżur lill-komunità mbeżżgħa tad-dixxipli li kienu qalbhom maqtugħa. Meta tkun imbeżża’ u qalbek maqtugħa żgur li ma tarax dak li huwa tajjeb. U Ġesù jgħidilhom: “Jiena hu… la tibżgħux”. Ġesù għenhom jiskopru dak li huma ma kinux kapaċi jindunaw bih u jħossuh. Ġesù jintroduċihom għal dak li huwa l-isbaħ, l-itjeb u l-iktar veru. Kemm hija sabiħa din l-immaġni ta’ Kristu edukatur tad-dixxipli tiegħu, li jedukahom f’dan is-sens u li jidħol f’mumenti opportuni jew inqas opportuni u jgħinhom ħalli għajnejhom jinfetħulhom u jiskopru dinja u ħajja ġdida.
Skoperta ta’ dak li huwa sabiħ, tajjeb u veru
Jiena naħseb li mhux biss kull wieħed u waħda minna jista’ jirrakkonta esperjenzi ta’ meta fil-ħajja tiegħu xi ħadd għenu ħalli jiskopri s-sabiħ, it-tajjeb u l-veru, u forsi dan seħħ b’ispirazzjoni minn Alla; imma jiena konvint li intom fil-kotra tagħkom tajtu kontribut siewi biex tgħinu lil dawk ta’ madwarkom ħalli japprezzaw dak li huwa tajjeb u ħalli jħaddnu dak li huwa veru. Ngħiduha kif inhi: qatt ma kien faċli li l-bniedem jiskopri dan il-patrimonju, imma iktar u iktar fil-ġranet tal-lum.
Kemm jien u kemm intom għandna bżonn ta’ edukaturi li mhux itaqqlulna l-ħajja jew jaqtgħulna n-nifs imma jimlewna bit-tama u jgħidulna li huwa possibbli għall-bniedem li jkollu ħajja ġdida u jieħu gost jgħix, huwa u jferraħ il-ħajja ta’madwaru. Jiena nimmaġina li quddiemi għandi ħafna ġenituri, u għalhekk indur fuqkom u ngħidilkom grazzi talli lil uliedkom, lil uliedna u lill-ġenerazzjonijiet tagħna tajtuhom l-imħabba tagħkom u għamiltu magħhom kif jagħmel Kristu, anki jekk forsi mhux dejjem indunajtu. Intom għentuhom jiskopru dak li huwa sabiħ u li hu ġmiel. Fi kliem ieħor intom għentuhom jiskopru dak li huwa sabiħ, jiġifieri lil Alla, għaliex dak li huwa sabiħ huwa partiċipazzjoni u rifless ta’ dak li huwa sbuħija u ġmiel waħdu.
Imma llejla ma nistax ma nsellimx lilkom, għalliema, li naf li intom preżenti f’din il-ġemgħa. Insellem mhux biss lil dawk li qegħdin jirringrazzjaw lil Alla għal tant snin fil-professjoni tagħhom ta’ għalliema, imma wkoll lil ħafna għalliema hawn preżenti. Jien inħossni grat lejkom, lejn l-għalliema li jiena kelli u li għandi, u lejn l-għalliema kollha li b’ħafna mħabba, sabar u ħila, u b’mod l-iktar ordinarju tgħinu lill-oħrajn, bħalma Kristu għen lid-dixxipli tiegħu, biex jaraw u jagħrfu s-sinjali li hemm fil-ħajja li jindikawlna li Alla huwa hemm u hu mal-bniedem.
Ħidma imprezzabbli
Kif diġà għidtilkom l-istudenti tal-lum iktar minn tal-bieraħ jeħtieġu l-ħidma imprezzabbli tagħkom, sew bħala ċittadini imma iktar minn hekk bħala dixxipli tal-Mulej, u dan tagħmluh kontra dawk li lill-adoloxxenti tagħna jippruvaw itaqqlulhom ħajjithom, kontra dawk li jagħlfuhom ħwejjeġ li flok jgħinuhom jaraw id-dawl iġibuhom jaraw id-dlam, kontra dawk li flok ma jaraw is-sabiħ jaraw l-ikrah u flok ma jaraw dak li huwa veru jaraw l-iżball. Bil-professjoni tagħkom qegħdin tagħmlu l-ġid u tistgħu tagħmlu iktar, għaliex lil dawk l-istudenti adoloxxenti li huma fdati fil-kura tagħkom intom tistgħu tgħinuhom u tiftħulhom mill-ġdid orizzonti ġodda. Min jaf kemm intom stess għandkom esperjenzi ta’ meta jiġu fuqkom studenti li intom edukajtu u jgħidulkom li għentuhom u li kontu bastun għalihom, partikularment meta kkoreġejtuhom.
Korrezzjoni fraterna li tfejjaq lill-bniedem
Tolqotni fil-vanġelu tal-lum it-twissija li jagħmel Kristu lid-dixxipli. X’ħin l-Appostli ma għarfux lil Kristu u għajnejhom kienu magħluqa Kristu la ċanfarhom, la eskludihom u lanqas ittraskurahom. Qalilhom: “Għandkom xi ħaġa x’niekol?”, u dan biex ikun jista’ joqgħod bilqiegħda magħhom u jgħaddi iktar ħin magħhom. Huwa kompla jfissrilhom l-Iskrittura.
Jolqotni wkoll Pietru fl-ewwel qari. Pietru huwa wkoll edukatur għall-Knisja tal-bidu: “Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom irħejtu u ċħadtu”; imma mbagħad ikompli jgħidilhom: “Jien naf li dan intom għamiltuh għax ma kontux tafu, kif għamlu wkoll il-kapijiet tagħkom”. Araw x’pedagoġija!
L-istess jagħmel Ġwanni fit-tieni qari meta jikteb: “Uliedi, jekk xi ħadd jiżbalja taqtgħux qalbkom. Aħna għadna difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu l-ġust”. X’teknika! Iktar milli teknika, x’konvinzjoni u x’messaġġ li jimlik bit-tama!
Min minna qatt ma għamel korrezzjoni jew qatt ma ġie kkoreġut fil-ħajja? Imma x’differenza tagħmel korrezzjoni skond dan l-istil ta’ Kristu, Pietru u Ġwanni minn korrezzjoni stil ieħor! Tista’ tkun korrezzjoni li lil bniedem tfejqu u tista’ tkun korrezzjoni li lil bniedem tiżbranah. Intom tafu iktar minni li ġieli jkun hemm studenti li jaqtgħu qalbhom u jitilfu l-interess, mhux għax m’humiex tajbin u mhux għax m’għandhomx potenzjal, jew għax m’hemmx ħafna tajjeb li aħna rridu ngħinuhom joħorġu minnhom infushom, imma għax forsi niżbaljaw il-mod kif inġibu ruħna magħhom u minħabba l-mod kif nittrattaw magħhom.
Filwaqt li rrodd ħajr lil Alla għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu preżenti fil-ħajja tagħna u li għenuna biex għajnejna u moħħna jinfetħu, u stajna nieħdu gost ngħixu u hekk inħarsu ’l quddiem b’fiduċja, nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex f’dan iż-żmien li fih qed nitħejjew għall-festa ta’ Pentekoste jkompli jżejjen lilkom ilkoll, partikularment lilkom għalliema, ħalli tkomplu twettqu din il-missjoni ta’ edukaturi, li tgħinu lill-bniedem tal-lum jagħraf japprezza s-sabiħ, it-tajjeb u l-veru.